Mara żagħżugha qed iddoqq noti ta’ innu fuq it-tastiera tal-orgni. Mitlufa fi ħsibijietha tidher li mhix tagħti kas, la tal-anġlu u lanqas tal-partitura li qed iżommilha. Għalfejn l-anġlu qed iżomm din il-karta tal-mużika? Santa Ċeċilja ma kinitx daqshekk midħla tal-mużika u din mhix xena li tirrappreżenta kunċert ta’ din id-dinja.
Hi l-pittura ta’ Santa Ċeċilja u l-Anġlu, ta’ D’Orazio Gentileschi (1563-1639). Il-kura tal-ilbiesi u d-dehra tal-personaġġi tagħtihom aspett ta’ kalma u ta’ serjetà. Ċeċilja hi b’ilbies tal-bidu tas-seklu 17 u l-anġlu mbaċċaċ jista’ jkun ħuha. M’għandhiex dijadema, u jekk l-anġlu għandu l-ġwienaħ, dan hu aċċessorju li joħloq eku viżwali għall-kanen tal-orgni. It-tnejn tad-demm u l-laħam, biex jinkarnaw realtà spiritwali.
Santa Ċeċilja hi konnessa mal-mużika għax, fi triqitha għall-martirju, semgħet mużika tas-sema u bdiet tkanta filwaqt li stenniet taqa’ fuqha l-mannara tal-bojja. L-armonija bejn Ċeċilja u l-anġlu mhix waħda mużikali imma teħodna għal-leħen ta’ Alla li jinstema’ fil-qiegħ ta’ qalb dawk kollha li jħobbuh.
M’hemmx għalfejn inkunu nafu s-solfeġġ tal-mużika biex indoqqu l-partitura tal-imħabba ta’ Alla, lanqas m’hemm bżonn partitura biex naqrawha ħalli ninġabru fina nfusna u nintelqu f’idejh. Għalhekk, filwaqt li Santa Ċeċilja hi l-patruna tal-mużika, fuq kollox hi l-patruna tagħna lkoll. Biex aħna nqiegħdu ruħna għall-armonija tat-twemmin tagħna f’Alla u f’dak li hu ta’ Alla.
Min-naħa tagħna, qegħdin nikkultivaw armonija fir-rapport tagħna ma’Alla u mal-oħrajn? Sibna ritmu tajjeb u ton sabiħ fit-talb tagħna? Il-ħajja tagħna qiegħda tkun f’tonalità mal-ħsibijiet li Alla għandu għalina?
Armonija li tmelles il-qalb
Armonija, mill-Grieg harmonia, tfisser ġabra ta’ ħsejjes mużikali li jindaqqu flimkien u li jogħġbu l-widna. Xi filosofiji jqisu lil Alla bħala l-aqwa mużiċist, li joħloq armonija bl-elementi li hu ħalaq. Jitkellmu dwar l-armonija tal-kosmos hekk kif din tirrifletti l-armonija tal-qalb. Filosfi Nsara japplikaw dan il-ħsieb għall-mużika reliġjuża. Din tinfed il-qalb u fiha azzjoni li tibbenefika lil min jismagħha. L-armonija mużikali tbiddel id-dwejjaq f’ferħ u tnaqqas il-ġibda għall-korla. Tkeċċi l-passjonijiet ħżiena u tressaq lejn il-purità, tittrasforma s-sentimenti tal-mibegħda u tad-diżgust għal stat ta’ spirtu ta’ ħniena u komprensjoni. Il-mużika, miktuba b’armonija tmelles lil ruħna, u tista’ twassalha għal imkejjen fejn il-kliem ma jistax iwassalha.
San Klement ta’ Lixandra, teologu tal-ewwel sekli, jgħid li Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex jittrasforma d-dissonanzi f’akkordju melodjuż. Skont Santu Wistin, il-kant fil-kor jippermetti l-consensio cantantium, jiġifieri armonija li tinstema’ fl-istess ħin u minn diversi kantanti. Fl-Istqarrijiet, Santu Wistin jagħti xhieda tal-esperjenza tiegħu meta jikteb: “Kemm bkejt bil-qalb waqt li smajt l-għanjiet u l-kantiċi tiegħek! Kif ħassejtni milqut meta l-Knisja tiegħek dwiet fija l-eku tal-ilħna melodjużi ta’ dawk li jemmnu. Dawn l-ilħna daħlu f’widnejja u l-verità ħallet lil qalbi. Minn hemm ħarġu sentimenti ta’ pjetà, u kemm kien sabiħ li jiena nibki.” (L-Istqarrijiet 9, 6))
Armonija fl-arti
Il-pittura, forsi qabel iktar mil-lum, tirrifletti s-simetrija, l-armonija u l-ordni tal-ħolqien. Hekk kif is-sbuħija kosmika tista’ tqiegħed lill-bnedmin f’kuntatt max-xbieha awtentika u safja li Alla poġġa f’kull persuna. L-arti tal-Medju Evu ppruvat tikxef il-veru sbuħija, xi drabi moħbija, tan-natura. F’kull xogħol tal-arti hemm il-wegħda ta’ realtà mixtieqa. Dan hu veru b’mod partikulari fl-ikoni li jirrappreżentaw lill-qaddisin fuq sfond tad-deheb, biex joħroġ id-dawl divin li jixgħel wara kull xbieha. L-ikoni jittrasfurmaw id-dlam f’dawl u jġibu fid-dawl is-sbuħija ta’ Alla. Meta nħarsu lejn l-ikoni, jikkwitawna, ifejquna u jwelldu l-armonija fir-ruħ tagħna.
Bil-kontra ta’ dan, xi mużika kontemporanja tistrieħ fuq id-dissonanza għax tara fiha vantaġġ fuq l-armonija. Din tesprimi t-tiċrit interjuri u l-fraġilità tal-bniedem modern. Dan ma jfixkilx milli naraw fl-arti moderna x-xewqa tal-armonija, li mingħajrha lanqas biss hemm arti. Pittura li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher bla armonija, tista’ tirrappreżenta hi wkoll il-fragilità u l-frugħa tad-dinja. Pittura moderna jista’ jkollha l-karattru ta’ provokatur fejn min jaraha jista’ jirreaġixxi jew jipproponi kritika għas-sitwazzjoni preżenti tal-esseri umani. F’xogħlijiet kontemporanji nistgħu naraw għamla ta’ armonija li tibbrilla fit-tama li l-arti tipproponi. Dan għaliex ukoll illum għandna mod ġdid kif nisimgħu u nħarsu.
L-armonija trid taħdem għaliha
L-armonija mhix xi ħaġa faċli. Ma tiġix weħidha, għax fil-fatt hi parti mill-istudji avvanzati tal-mużika. Minbarra t-teorija tal-armonija, il-kompożitur irid ikollu widna tajba. Irid jisma’ sewwa dak li kiteb u jkun attent għad-dettalji ta’ kull strument li se jkun f’din l-armonija kif ukoll għal kull membru tal-kor li se jesegwiha. Mhix faċli għax min minna ma jħossx fih forza ta’ kuntradizzjonijiet li jfixkluh milli jgħix f’armonija ma’ Alla, mal-oħrajn u miegħu nnifsu?
Membru wieħed, ibda mill-familja sa komunitajiet ikbar, jistona meta jagħżel li ma jgħix f’armonija mal-oħrajn. Iktar ma persuni jgħaddu ħin flimkien, iktar hu meħtieġ l-ispirtu ta’ armonija. Tkun ħasra meta l-ħidma li tkun għaddejja tiġi mtappna minn diżgwid intern. Tajjeb ngħidu wkoll li d-dissonanza, anke fil-mużika tal-passat, tagħmilha iktar rikka. Kultant parti mill-preġju tal-mużika huwa kif il-kompożitur jittratta d-dissonanza. Forsi nistgħu napplikawha għall-karattri u ideat li ma jaqblux, u kif min imexxi jkun kapaċi jgħaqqad dawn il-persuni.
Biex inkunu f’armonija hu meħtieġ li nibdew inħarsu fil-wiċċ tal-oħrajn u nkunu attenti għall-ħtiġijiet differenti, ix-xewqat, il-passjonijiet u l-impulsi li jistgħu jiġu indirizzati. F’xi każi jkollna ngħixu flimkien ma’ dak li jistona u jweġġa’ lil widnejna imma li fl-aħħar mill-aħħar inissel ferħ ġo fina.
Li kelli nipproponi virtù sabiħa u utli għal ħajja tagħna ta’ kuljum bħala nsara, żgur kont nipproponi dik tal-armonija.
Joe Galea
Membru