Dwal, tiżjin, kuluri, rigali, festini… kollha huma karatteristiċi tal-festa tal-Milied…. il-festa tat-twelid tal-Iben t’Alla li sar bniedem….. Imma qatt ħsibt fuq il-misteru profond li hemm wara din il-festa?…. Qatt ħsibt il-għala Milied mingħajr Ġesù Bambin jitlef is-sinifikat kollu tiegħu?…. Jekk irridu li l-festa tal-Milied tqajjem fina s-sens ta’ stagħġib għall-fatt li l-Iben t’Alla sar bniedem bħalna fl-għar ta’ Betlem…. ma hemm xejn aqwa mill-presepju… veru sinjal tal-għaġeb….. Xena sempliċi u fl-istess ħin profond… li permezz tiegħu nisimgħu lil Alla jsejħilna permezz tat-tarbija Ġesù biex nidħlu f’relazzjoni ta’ mħabba miegħu.
Biex jurina li huwa “l-ħobż li niżel mis-sema” (Ġw 6:41), Ġesù ġie mfisqi u mqiegħed f’maxtura, il-post tal-ikel tal-annimali, il-presepju.
Kien fi Greccio, fejn San Franġisk t’Assisi, fl-1223, qasam ix-xewqa kbira li kellu wara pellegrinaġġ li għamel fl-Art Imqaddsa fejn baqa’ msaħħar bil-pajsaġġ ta’ Betlem: “Irrid infakkar b’mod ħaj it-tfajjel li twieled f’Betlem, u li b’xi mod nara b’għajnejja l-ħtiġijiet u n-nuqqas ta’ kumdità li sab ruħu fihom meta ġie mqiegħed fil-maxtura u kif kien mimdud fuq it-tiben bejn il-baqra u l-ħmara.”
Maxtura…. tiben…. baqra… ħmar… dawn sawru l-ewwel xena sempliċi tal-presepju fi Greccio… In-nies li nġabru madwar il-presepju… kienu huma stess li ffurmaw ix-xena tat-twelid….. u permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fl-istess post, kulħadd sar parti mill-misteru tal-Inkarnazzjoni… Alla li jieħu s-sura tagħna l-bnedmin.
Tassew kienet esperjenza qawwija, tant li minn xena sempliċi iżda li tmiss il-qalb…. iżżejnet bid-don ta’ viżjoni tal-għaġeb: wieħed minn dawk preżenti ra mimdud fil-maxtura lil Ġesù Bambin innifsu. Tabilħaqq….. dakinhar “kulħadd reġa’ lura lejn daru mimli b’ferħ li ma jitfissirx.”
Imma għaliex il-presepju jqanqal tant seħer li jmissilna qalbna?… Għaliex il-presepju jibqa’ jurina mill-ġdid b’tant sempliċità l-ġmiel tal-fidi tagħna? Il-Ħallieq tal-univers jitbaxxa u jiċċekken… jurina l-ħlewwa t’Alla. F’Ġesù naraw lil ħuna, ir-rigal li tana l-Missier Alla, il-ħabib fidil li dejjem hu qrib tagħna biex iħarisna tul il-mixja tal-ħajja tagħna.
Ejjew narmaw il-presepju fid-djar tagħna u nħarsu lejh biex nimmeditaw din il-ġrajja straordinarja… Ejjew, permezz tal-presepju, immissu l-faqar li l-istess Iben t’Alla għażel li jitwieled fih…. Ejjew, permezz ta’ dan is-sinjal tal-għaġeb nisimgħu lil Ġesù jsejħilna biex nimxu warajh fit-triq tal-umiltà u tal-faqar…. Ejjew nisimgħuh isejħilna permezz tal-presepju biex niltaqgħu miegħu f’ħutna l-iktar fil-bżonn u naqduh billi nuru ħniena magħhom.
Il-ħemda tal-lejla u s-sema mudlama… mdawwal bil-kwiekeb ileqqu fis-smewwiet… ifakkruna li Alla dejjem magħna…. ma jħallinix weħidna… Alla sar bniedem biex ikun għalina dawl fil-mumenti tad-dlam tal-ħajja.
L-għoljiet… in-nixxigħat… in-nagħaġ u r-rgħajja…. ifakkruna li l-ħolqien kollu għandu sehem mill-festa tal-miġja tal-Messija.
L-anġli li jħabbru…. u l-kewkba li timla s-sema bil-qawwa tad-dija tagħha…. huma sinjal li aħna lkoll imsejħin biex nirsistu u nħaffu lejn l-għar biex naduraw lill-Mulej Ġesù. “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej” (Lq 2:15). B’differenzi minn oħrajn, r-rgħajja isiru l-ewwel xhieda ta’ dak li huwa tant essenzjali: ir-rigal kbir li ingħatalna… s-salvazzjoni tal-ħolqien kollu permezz ta’ Ġesù. Mimlijin ferħ u gratitudni… huma jqumu u jwieġbu għall-istedina li jiltaqgħu ma’ Ġesù tarbija f’atmosfera intima ta’ mħabba. Hija propju din il-laqgħa bejn Alla u wliedu l-bnedmin li tagħti l-ħajja lit-twemmin tagħna. U tidher b’mod partikulari fil-presepju… veru sinjal tal-għaġeb!
Il-preżenza tat-tallaba u l-foqra fil-presepju ma tonqosx… u xejn ma tistona mal-maxtura fqira ta’ Ġesù Bambin. Huma tassew ipprivileġġjati… għax jirnexxilhom jagħrfu l-preżenza ta’ Alla ġo nofshom… jagħrfu lil dan Ġesù “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29)… Il-foqra jibqgħu jtennulna l-messaġġ li ma nistgħux inħallu l-oġġetti ta’ din l-art u l-wegħdi fiergħa tagħha jagħmuna mill-viżjoni meraviljuża ta’ Ġesù.
J’Alla ma nkunux bħal Erodi… torox għat-taħbira ta’ ferħ…. għomja għall-immaġini li trodd it-tama u d-dinjità ta’ kull persuna…. insensittivi għall-imħabba u l-ħlewwa tat-tarbija ta’ Betlem. Ejjew nisimgħu mill-presepju lil Ġesù jħeġġiġna għal dinja iżjed umana u fraterna, fejn ħadd ma jħossu eskluż jew imwarrab.
Mir-ragħaj għall-ħaddied…. mill-furnar għad-daqqaqa… min-nisa qed iġorru l-bomblu tal-ilma għat-tfal jiġru u jilagħbu ferrieħa… dan kollu jurina li nistgħu insibu l-ferħ u ngħixu ħajja qaddisa fl-affarijiet żgħar ta’ kuljum. U dan kollu għax Ġesù jaqsam l-ħajja tiegħu ta’ Alla mal-ħajja tagħna l-bnedmin.
Ma nistgħux ma ninnutawx il-figura ta’ Marija…. tħares u tikkontempla lit-tarbija tagħha Ġesù…. mhux biss…. imma turih lil dawk kollha li jiġu jżuruha. Nilmħu fiha l-Omm ta’ Alla li ma żżommx lil Binha għaliha nnifisha, imma b’ġenerożità toffrihulna u tħeġġiġna biex nisimgħu u nimxu fuq il-kelma tiegħu.
Bil-bastun u l-musbieħ f’idejh, nilmħu lil San Ġużepp… il-ħarries… li ma jehda qatt jipproteġi l-familja tiegħu. Hu jġorr u jgħożż f’qalbu l-misteru kbir li jdawwar lil Ġesù u lil martu Marija, u ta’ raġel ġust li kien, jibqa’ fidil lejn ir-rieda ta’ Alla u jagħmel ħiltu kollha biex iqegħdha fil-prattika.
Il-qalb tal-presepju tibda tħabbat meta, f’nhar il-Milied, inqiegħdu fih lil Ġesù Bambin. Alla li jista’ kollox…. jieħu l-forma ta’ tarbija ċkejkna biex aħna nistgħu nilqgħuh f’dirgħajna. Fil-fraġilità tat-tarbija hemm moħbija l-qawwa ta’ dak li ħalaq kollox u li jagħmel kollox ġdid u sabiħ bil-qawwa tiegħu. Tidher impossibbli…. imma fil-verità…. Alla jsir daqsxejn ta’ tarbija li bit-tbissima fuq wiċċu u b’dawk l-idejn ċkejknin tiegħu… jikxef il-kobor tal-imħabba bla qies li Alla għandu għalik u għalija.
Sinjal tal-għaġeb huwa l-presepju…. għax inissel fina stagħġib u ferħ kbir quddiem l-akbar misteru li qatt seħħ fl-istorja. Nistgħu niġbru kollox fil-frażi qawwija tal-Appostlu San Ġwann: “Għax il-ħajja dehret” (1 Ġw 1:2)…. Fil-presepju nilmħu l-misteru kbir tal-avveniment uniku li biddel il-mixja tal-istorja tal-ħolqien.
Tassew li Alla dejjem jissorprendina…. u xi mdaqqiet kważi jħawwadna! Meta narawh jieħu l-istess imġiba tagħna l-bnedmin huwa jqanqalna biex inħarsu lejn ħajjitna mill-perspettiva ta’ Alla, biex flimkien miegħu naslu nagħrfu t-tifsira aħħarija tal-ħajja tagħna.
Mill-lvant naraw ġejjin lit-tliet Maġi…. jsegwu id-dija tal-kewkba…. inħalluhom ifakkruna fuq r-responsabbiltà li kull wieħed u waħda minna għandna biex inwasslu l-aħbar lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom, speċjalment billi nagħmlu azzjonijiet ta’ ħniena u ta’ mħabba ma’ ħutna fil-bżonn.
Żgur li l-presepju ifakkarna fi tfulitna…. meta bla sabar konna nistennew il-mument li nibdew narawh fid-dar tagħna. Ifakkarna fid-don kbir tal-fidi li aħna rċevejna bħala rigal u li rridu ngħadduh ukoll lill-uliedna. Inħallu l-presepju jkellimna u jirrakkonta l-imħabba ta’ Alla – Alla li sar tarbija biex jgħidilna kemm hu qrib tagħna, hi x’inhi l-qagħda li ninsabu fiha.
Il-presepju… is-sinjal tal-għaġeb… jedukana kif nikkontemplaw lil Ġesù, kif inħossu l-imħabba ta’ Alla għalina… jipperswadina dejjem aktar kemm Alla huwa magħna. Bl-imħabba bla tarf tiegħu hu jiġborna flimkien bħala wliedu u aħwa ta’ xulxin.
Ejjew permezz tal-presepju nħallu tinbet f’qalbna talba ta’ gratitudni… ta’ ringrazzjament… lejn Alla li jrid jaqsam kollox magħna… li jrid ikun fostna… li ma jrid jitlaqna waħidna qatt.