Id-Delegazzjoni tal-Awstralja organizzat is-67 laqgħa ġenerali annwali tagħha mit-3 sat-7 ta’ Jannar 2025 fl-Università College, Parkville, Melbourne. “Alla ma jħarisx lejn l-azzjoni, imma lejn l-ispirtu li jimmotivaha”, kienet it-tema diskussa u ċ-ċentru tar-riflessjonijiet. Fost dawk preżenti kien hemm l-Isqof Charles Gauci, Prelat ta’ Darwin, u Philip Bezzina, Kunsillier Eżekuttiv Ġenerali tas-Soċjetà. Żgħażagħ minn Melbourne u Adelaide kienu preżenti u ppartċepiaw bil-ħeġġa waqt il-laqgħat.
Id-Delegazzjoni ċċelebrat l-għaxar anniversarju ta’ Cody Harwood (Hobart) u Joseph Martini (Adelaide) bħala assoċjati formali tal-komunità Museumina.
Matul is-sessjonijiet, kienet enfasizzat l-importanza li jiġu esplorati fruntieri ġodda ta’ appostolat immexxija mill-fidi. Tul dawn il-ġranet sar talb biex il-komunità Museumina tkompli tikber fil-fidi u l-grazzja t’Alla. Il-LĠA għalqet b’ikla li għenet biex ikompli jinbena sens ta’ ħbiberija fi spiritu ta’ ferħ.