Lejlet il-Festa tal-Madonna ta’ Pompei f’Durrës
16 May, 2024
It-Tlieta 7 ta’ Mejju 2024, lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Pompei, ġiet organizzata quddiesa fil-bitħa tar-residenza tal-membri f’Durrës, l-Albanija. Immedjatament wara l-quddiesa saret purċissjoni bi statwa tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża. Waqt il-purċissjoni ntalab ir-rużarju u tkantaw innijiet Marjani, filwaqt li t-tfal libsin bl-abjad żejnu t-triq bil-petalli tal-fjuri. Kienet okkażjoni sabiħa li fiha n-nies preżenti kienu xiehda fil-pubbliku tal-imħabba tagħhom lejn Marija Santissma, saru jafu iżjed bil-preżenza tal-membri tas-SDC fil-parroċċa u komplew jingħaqdu bħala komunita’ ta’ nsara.