San Ġorġ Preca kellu ammirazzjoni kbira lejn il-qaddisin. Għalih, il-qaddisin kienu ħbieb ta’ Alla u ħbieb tagħna wkoll. Bħall-kwiekeb li jiggwidaw lill-baħrin, il-qaddisin juruna t-triq fil-ħajja spiritwali.
F’dan il-ktieb, San Ġorġ Preca, bi stil faċli iżda profond, jistedinna nisimgħu wħud mill-aktar qaddisin magħrufa tal-Knisja Kattolika.
Huwa jippreżentalna wieħed u tletin qaddis li jaqsmu magħna tagħlim sabiħ dwar il-ħajja spiritwali. Ma jikkwotax direttament mill-kotba jew mill-predikazzjoni ta’ dawn il-qaddisin, imma bi kliem sempliċi jipprova jiġbor fil-qosor il-virtujiet u l-attitudnijiet li spikkaw l-aktar f’ħajjithom.
Il-qari ta’ dan il-ktieb, segwit minn mument ta’ riflessjoni jew meditazzjoni, jista’ jkun ta’ ġid spiritwali kbir għalina lkoll u ta’ għajnuna kbira biex nimxu fuq il-passi ta’ ħbiebna, il-qaddisin.
Eżempju:
Predikatur: San Gejtanu ta’ Thiene
Nistħajlu li għandna quddiemna lil dan il-qaddis, u li qegħdin nisimgħu minn fommu stess il-materja li f’ħajtu dehret wisq tiddi.
Fiduċja f’Alla
L-iktar għeżież, isimgħu u ifhmu.
Min hu li ħalaq kollox? Forsi mhux dak li jikkonserva dak li ħalaq? X’jiddi hekk ċar fis-sema u fuq l-art, u fil-baħar daqs il-kura li jieħu Alla tal-kreaturi tiegħu? Mnejn tant ikel għal tant ħluq? Mnejn tant ilbies għal tant iġsma? It-tajr ta’ l-ajru u l-ġilju ta’ l-għalqa jċanfru t-tħabrik tal-bnedmin għall-għajxien tagħhom meta dawn huma wisq iżjed prezzjużi minnhom.
Fiduċja f’Alla, Missier kulħadd!
Liema bniedem għaqli, xħin jikkonsidra kollox – ħajja, għana, saħħa, unur, glorja – huwa mistrieħ fuq is-sodda ta’ l-inċertezzi, jieħu qalb biex iħabrek għal ħwejjeġ li jitbiddlu kull mument?
Liema bniedem tal-fidi jiddubita li Alla jaf x’jenħtieġ għall-kreaturi tiegħu, li huwa jħobbhom tassew bħala opri ta’ idejh?
Jistrieħ immela kull bniedem fil-ħdan tal-Providenza!
Dan il-ktieb jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca.