Wieħed żagħżugħ għaqli, intelliġenti u devot, sema’ prietka fuq l-abbandun totali li tant impressjonatu meta sema’ bil-ġid li jiġi minnu fir-ruħ u fil-ġisem ta’ min ikun irid igħix sewwa f’Alla
Huwa dam ħafna jirrifletti meta ddeċieda li jmur isib lil parrinuh li kien raġel ta’ l-affari tiegħu, għaref u istruwit ħafna anki fil-ħwejjeġ tar-reliġjon. Hekk għamel u talbu jieħu paċenzja u jkellmu fuq dan l-abbandun totali u jgħidlu kull ma jaf fuqu.
Parrinuh kien raġel tassew min tagħna u dħuli; huwa laqgħu bl-ikbar ħlewwa u meta sema’ x’kien jixtieq minnu qallu li hu kien lest li jghidlu kull ma kien qara, sema’u tgħallem fuq dan labbandun totali.
Il-filjozz dan li ried u għamel kuraġġ u talbu jippermettilu jniżżel kull ma kien biex igħidlu ħalli żgur ma jinsiehx.
Il-parrinu aċċetta u ftehmu li jibdew jiltaqgħu; il-parrinu jiddetta u l-filjozz jikteb.
L-Abbandun Totali ta’ San Ġorġ Preca huwa qari tajjeb għal dawk ħerqana li japprofondixxu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u jafdaw ruħhom taħt il-gwida tiegħu.
Riflessjoni numru 36 minn L-Abbandun Totali:
Il-Missierna u l-Abbandun Totali
Filjozz, meta Sidna Ġesù Kristu għallimna nitolbu ’l Alla, veru Missier tagħna, fehem li aħna għandna nfittxu l-glorja tiegħu u l-ġid veru tagħna fil-paċi tar-ruħ. Taħseb int forsi li jekk aħna ’l Alla ma ngħidulux “ikun li trid int” mhux dejjem se jkun mitmum dak li jrid Hu, padrun u sid assolut tas-sema u ta’ l-art?
Aħna nistgħu dejjem nagħmlu reżistenza lir-rieda ta’ Alla, iżda dejjem bir-rieda tagħna biss, għax mingħajr il-konkors fiżiku ta’ Alla ma titħarrek ebda werqa. Meta mela aħna nitolbu li Alla jagħmel li tkun mitmuma r-rieda tiegħu fuq l-art kif inhi mitmuma fis-sema, inkunu nitolbuh l-għajnuna tal-grazzja tiegħu biex, permezz ta’ l-ubbidjenza perfetta għall-kmandamenti tiegħu, aħna naslu li ntemmu r-rieda tiegħu; mhux biss, iżda biex ukoll, permezz tal-ġrajja li hu jiddisponi fuqna fil-providenza tiegħu, aħna nintrabtu b’mod l-aktar perfett ma’ dak li jrid hu.
F’kelma waħda, Ġesù Kristu wriena li jridna ngħixu f’abbandun totali fi ħdan Alla l-Imbierek biex hekk ingawdu l-paċi vera tal-qalb billi fina nżommu rieda tajba għax tkun marbuta mar-rieda ta’ Alla kif kantaw l-anġli fit-twelid tiegħu: “… u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14).
Ġesù Kristu fehem ukoll jurina li aħna għandna nagħtu fuq kollox glorja ’l Alla bl-ispirtu u bil-verità, billi meta nkunu nagħmlu r-rieda ta’ Alla, aħna nkunu nagħrfu ’l Alla b’sid assolut tagħna, u fl-istess ħin inkun niżżuħajr għall-ġid kollu li għamel u li jagħmel magħna.
M’hemm l-ebda dubju li b’hekk inkunu nogħġbuh; hu għalhekk ikun dejjem magħna u ma jabbandunana qatt għx aħna nkunu nagħmlu dak li jrid hu, b’sottomissjoni lejn il-maestà Divina tiegħu bi spirtu ta’ adorazjzoni vera. Għax m’hemmx adorazzjoni vera meta hemm ir-reżistenza għar-rieda tiegħu. Infatti, min jirreżisti ma jkun jagħraf superjorità, iżda jkun ibaxxi r-rieda tas-Sinjur tiegħu billi jippreferixxi lilu nnifsu b’disprezz tas-sinjur tiegħu. Hekk allura, flok ma jadura ’l Alla, ikun jadura lilu nnifsu. Santu Wistin igħid: “Trid taf min hu Alla tiegħek? Ara xi tħobb, u dak li int tħobb, dak hu Alla tiegħek.” Issa min jirreżisti jkun jobgħod.
“Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art.” Ir-rieda ta’ Alla kif inhi mitmuma fis-sema? Hija tiġi mitmuma b’imħabba l-aktar prefetta mill-istess anġli ministri tiegħu.
Min itemm ir-rieda ta’ Alla għax imqanqal mil-biża’ ikun qed jagħti ’l Alla glorja tassew; imma min għax imqanqal mill-imħabba ikun itemm ir-rieda ta’ Alla fil-perfezzjoni, għax l-imħabba perfetta tkeċċi kull biża’ (1 Ìw 4, 18). Int allura tkun ittemm ir-rieda ta’ Alla fuq l-art u tkun tixtieq taraha mitmuma minn kulħadd bl-istess mod li bih l-anġli jtemmuha fis-sema.
Naqraw fl-Evanġelju li x-xitan wiegħed lil Kristu s-saltniet kollha tad-dinja jekk jinxteħet quddiemu u jadurah. Għal proposta bħal din Ġesù kien pront keċċieh u qallu: “Hu miktub: il-Mulej Alla tiegħek tqim, u lilu waħdu taqdi” (Mt 4, 8-9).
Meta, għalhekk, fil-Missierna ngħidu ’l Alla: “Ikun li trid int kif fis-sema, hekkda fl-art” inkunu tassew nogħġbu ’l Alla. Iżda waqt il-prova biss u fil-ħin tat-tentazzjoni naraw jekk inkunux xtaqna u ridna din l-adorazzjoi bis-sinċerità u bi spirtu tassew.
Għal-lum biżżejjed u jekk is-Sinjur Alla jrid f’laqgħa oħra niddettalek u nurik illi l-imħabba hija l-unika skala li tieħu għall-abbandun totali.