Il-‘Missierna’ huwa ġmiel ta’ kitba u riflessjonijiet dwar Alla l-Missier minn San Ġorġ Preca.
Lil Alla l-Missier, il-Fundatur jgħallimna nsejħulu lil Missier qaddis bħala is-Sinjur tas-sema u tal-art, u iżjed minn hekk, f’kull għodwa jistedinna nsejħulu ‘Ħelu Missier tal-imbierek Ġesù Kristu’.
Fid-daħla tal-ktieb, San Ġorġ Preca ifisser għaliex għandna nsejħulu bl-isem ħelu ta’ missier u jgħid li l-ispirazzjoni ġejja minn Ġesù li għallimna l-Missierna u dan l-isem ħelu jispira u jnissel kunfidenza, tama, imħabba u ħlewwa. Għalhekk aħna ma nibżgħux nersqu lejh u nitħaddnu miegħu bħala wliedu.
San Ġorġ Preca jidħol fil-fond tas-sens veru ta’ din it-talba tal-Missierna li għallimna Ġesù u jagħti tagħlim tassew prattiku għal kull nisrani. Permezz ta’ dan il-ktieb, huwa jagħti espożizzjoni sempliċi tat-talba tal-Missierna għall-meditazzjoni.
Kif wieħed jibda jaqra l-ktieb, malajr jinduna San Ġorġ Preca jibqa’ dejjem fidil għall-Maġisteru tal-Knisja u l-Bibbja li kien tant jixrob minnha u jagħti tagħlim sod dommatiku u spiritwali f’paragrafi qosra u dirett għall-punt.
Is-sens tal-Missierna
Missierna li inti fis-smewwiet.
Lilek insejħu, o Alla qaddis; lejk nirrikorru, għax aħna wliedek.
Jitqaddes Ismek.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li jagħmel li kulħadd jagħarfu u jagħtih glorja b’saħta sinċiera tad-dnub.
Tiġi saltnatek.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li jnissel fina xewqa vera tal-ġenna.
Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li jagħtina l-grazzja li niċħdu perfettament lilna nfusna.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li jagħtina biss kulma neħtieġu għar-ruħ u għall-ġisem fil-kors tal-jum.
U aħfrilna dnubietna kif aħna wkoll naħfru ’l min hu ħati għalina.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li jagħmel ħniena bi ħniena u skond il-kejl tagħna mal-proxxmu.
U la ddaħħalniex fit-tiġrib.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li ma jħalliniex weħidna waqt il-prova.
Iżda eħlisna mid-deni.
B’hekk inkunu nitolbu ’l Alla li jwettaqna fil-grazzja li nibżgħu mid-dnub u mill-ħlas tiegħu.
Ammen.
B’hekk inkunu nsaħħu li tassew irridu dan kollu li tlabna ’l Alla u li b’tama qawwija nistennewh minnu.