Il-Mansjonijiet u Praeconia ġew stampati għall-ewwel darba separatament, għand Giovanni Muscat Press tal-Belt Valletta (Malta), lejn l-aħħar tas-snin tletin. Iż-żewġ kotba, inkitbu għall-użu privat tal-Membri tal-M.U.S.E.U.M. Eventwalment, iż-żewġ kotba ġew ippubblikati bħala ktieb wieħed u saru disponibbli għall-użu pubbliku.
Dan huwa ktieb għal dawk li jħobbu jitolbu permezz tal-Evanġelju minkejja li ma tantx għandhom ħin twil għat-talb.
L-istil tiegħu huwa kkaratterizzat minn paragrafi qosra u ekonomija fil-kliem – żewġ kwalitajiet li jgħinu tispikka aktar il-profondità tar-riflessjonijiet offruti għall-meditazzjoni.
Il-metodu huwa sempliċi u jista’ jiġi applikat għal episodji oħra mill-Evanġelju li mhumiex inklużi fit-tlieta u sebgħin episodju immeditat minn San Ġorġ Preca f’dan il-ktieb.
L-idea ta’ Mansjonijiet hija waħda klassika fil-letteratura nisranija. Il-Kastell Intern ta’ Santa Tereża ta’ Avila huwa eżempju ta’ dan. Permezz ta’ dan, wieħed iġib fil-menti il-ħtieġa ta’ spazji ta’ ħinijiet qosra sabiex wieħed jieqaf, tirrifletti u titlob.
Il-Praeconia, bi stil ta’ litanija, hija pjuttost oriġinali. Tfaħħar lil Sidna Ġesù Kristù u tikxef kemm il-Fundatur kien persuna istruwita fl-istudju bibliku u l-meditazzjoni. Għalhekk, għanda tiġi reċitata bil-kalma sabiex wieħed iduq il-kontenut qawwi teoloġiku u bibliku tagħha.
Dawn ir-riflessjonijiet ta’ San Ġorġ Preca jgħinu lill dak li jkun jitlob sabiex jikber fid-devozzjoni lejn il-qalb imqaddsa ta’ Ġesù u wkoll biex ftit, ftit, jilbes l-ispirtu ta’ Kristu.
Eżempju minn Il-Mansjonijiet u ieħor mill-Praeconia:
Mansjoni Nru. 13
Kristu fit-tieġ ta’ Kana — Ġwanni 2
Ejjew nidħlu fil-ħsieb biex naraw s-Sinjur tagħna mistieden ma’ ommu
u mad-dixxipli tiegħu fit-tieġ ta’ Kana, ibiddel l-ilma fl-inbid li kien naqashom,
għax kienet ġegħlitu ommu, billi kien qalilha li kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu.
F’din il-Mansjoni osserva l-qalb ta’ Ġesù fi kbira qima lejn ommu Marija. (Pawsa żgħira).
Talba:
Sinjur Ġesù Kristu agħmel il-qalb tiegħi tixbah lil tiegħek.
Qalb imqaddsa ta’ Ġesù, ħenn għalina. (3 darbiet)
Offerta:
Alla, oh Missier, noffrilek il-qalb divina ta’ Ibnek Ġesù Kristu bil-merti kollha tagħha
sabiex inti tagħtini l-grazzja li jiena nagħti vera qima lil Marija Santissima.
Ammen.
Inbierku lill-Mulej — Inroddu ħajr lil Alla.
Praeconia A
Ejjew inħarsu lejn Ġesù Kristu u nkantawlu glorja.
Ġesù Alla tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Sinjur tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Ħuna, lilu glorja.
Ġesù, Avukat tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Tabib tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Mgħallem tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Salvatur tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Ħabib tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Medjatur tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Qassis tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Mexxej tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Ragħaj tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Leġiżlatur tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Feddej tagħna, lilu glorja.
Ġesù, Sultan tagħna, lilu glorja.
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.
Sinjur Alla, din hi l-ħajja ta’ dejjem li aħna l-bnedmin nagħrfu lilek,
Alla waħdek veru u lil Ġesù Kristu li Inti bgħatt: iftħilna s-sens nitolbuk,
biex bil-grazzja tiegħek, nagħrfu fl-art lilek u lil Ġesù Kristu nnifsu,
u hekk ikollna l-ħajja ta’ dejjem.
Ammen.