Il-Ġinnasju Spiritwali ta’ San Ġorġ Preca hija ġabra profonda ta’ diversi eżerċizzi li l-għan tagħhom hu li jiggwida lill-qarrej lejn vjaġġ spiritwali interjuri. F’din il-kitba, li ġiet stampata għall-ewwel darba lejn is-snin tletin, Dun Ġorġ jixrob minn għejjun ta’ qarrejja spiritwali u jibni kors li l-għan tiegħu hu “sabiex wieħed jista’ jasal li jiddisprezza kull ħaġa maħluqa u li japprezza dak li hu tal-ispirtu.”
F’dan il-ktieb, Kristu huwa ppreżentat bħala l-‘Imgħallem’, li t-tagħlim tiegħu mhu marbut mal-ebda żmien u li d-dawl tiegħu jdawwal lil dawk li jfittxuh. Madanakollu, Dun Ġorġ ikompli jqiegħed l-enfasi fuq l-importanza tad-dixxerniment u jħeġġeġ lill-qarrej biex jagħrbel dak li jisma’ fil-mixja tiegħu.
Il-Ġinnasju Spiritwali huwa maqsum f’diversi ‘attendenzi’ li fihom jippreżenta suġġett għall-attenzjoni tal-qarrej. Dun Ġorġ stess iħeġġeġ biex dawn l-attendenzi jinqraw sa waħda kuljum biex wieħed jilħaq jixtarr u jagħmel tiegħu kull benefiċċju li jista’ joħroġ minnhom. Oriġinarjament din il-kitba kienet indirizzata għall-membri tas-Soċjetà, b’mod speċjali għal dawk li f’idejhom għandhom il-formazzjoni, iżda kull paġna hija wkoll relevanti għal dawk li jixtiequ jikbru fl-ispiritwalità tagħhom.
Dun Ġorġ bħal ixebbaħ il-mixja spiritwali ma’ suldat li qiegħed jipprepara u jsostni lilu nnifsu qabel xi battalja. Bħalma suldat jipprattika u jaħdem biex jiddefendi lil pajjiżu f’xi għawġ, hekk ukoll il-qarrej għandu jaħdem bla heda biex jipproteġi lilu nnifsu minn kull attakk fl-ispirtu tiegħu. B’hekk biss wieħed jasal li jagħmel rebħiet spiritwali.
Il-Ġinnasju Spiritwali jservi bħala riżorsi għal dawk li jixtiequ li jkomplu japprofondixxu u jikbru f’dak kollu marbut mal-ħajja spiritwali.
Min jaqra dan il-ktieb huwa mħeġġeġ biex jitlob:
“Alla, o Missier, irċievi l-pjagi divini ta’ ħuna Ġesù Kristu, Ibnek l-għażiż,
li jiena noffrilek sabiex tagħtini l-Ispirtu s-Santu tiegħek. Ammen.”
Attendenza Nru. 21 mill-Ġinnasju Spiritwali:
Min hu li jħobb ’l Alla kif imiss.
Dan ikun illum l-oġġett tal-attenzjoni tiegħek, o iben tiegħi.
Il-perfezzjoni tar-ruħ hija fl-imħabba, u l-biża’ mhux fl-imħabba: għalhekk jiena nqiegħed quddiem il-moħħ tiegħek bniedem li tassew iħobb ’l Alla kif imiss sabiex inti tkun tista’ b’xi mod tara xi ftit fiex inti fil-ħajja spiritwali.
Bniedem li tassew iħobb ’l Alla kif imiss, u għalhekk huwa fil-perfezzjoni, għandu f’sidru tlitt iqlub f’qalb waħda.
Ikollu l-ewwelnett qalb tan-nar lejn Alla: biha huwa b’disprezz ta’ ħajtu wkoll jippreferixxi f’kollox u għal kollox il-volontà ta’ Alla; biha f’kollox jirrassenja ruħu mal-volontà ta’ Alla, iħeġġeġ biex jagħmel igglorifikat ’l Alla mill-oħrajn u f’xejn ma jitgħaxxaq ħlief fil-glorja tal-isem ta’ Alla.
Bniedem li tassew iħobb ’l Alla jkollu qalb tal-laħam lejn il-proxxmu: biha huwa jħenn għal kulħadd, sinċerament u diżinteressatament: dak li jrid magħmul lilu nnifsu, jagħmlu lill-oħrajn, u dak li ma jridx magħmul lilu nnifsu, mhux biss ma jagħmlux hu stess lill-oħrajn, iżda jinteressa ruħu biex lanqas ma jagħmluh l-oħrajn: jifraħ ma’ min hu ferħan, u jibki ma’ min huwa mbikki.
Bniedem li tassew iħobb ’l Alla jkollu fl-aħħarnett qalb tal-bronż lejh innifsu: biha jaħqar lilu nnifsu, persważ li iktar ma wieħed jitgħakkes u jbati f’din il-ħajja ikbar tkun għalih il-glorja wara l-mewt.
Il-perfezzjoni tar-ruħ hija mqiegħda fl-imħabba, li hija t-temmija tal-liġi: “Ħobb is-Sinjur Alla tiegħek b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, u bil-ħsieb tiegħek kollu. Dan huwa l-ikbar u l-ewwel kmandament,. U t-tieni jixbah lil dan: Ħobb il-proxxmu tiegħek, bħalek innifsek.”
Min iħobb, jgħaqqad qalbu mal-oġġett li jħobb u jsir ħaġa waħda miegħu: min immela jħobb ’l Alla, li huwa mħabba, Alla jgħammar fih u huwa f’Alla.