Sinjur Alla, Int li int; jiena jien xogħol tiegħek, xogħol tat-Tjubija tiegħek, xogħol ta’ l-Omnipotenza tiegħek, xogħol tas-Sapjenza tiegħek. Iffurmajtli ġisem u tajtni ruħ xbieha tiegħek biex biha nagħrfek u nistqarrek Kreatur tiegħi: iżda billi ħallejtni liberu fil-volontà tiegħi, jiena dejjem fil-periklu li mmieri l-volontà tiegħek, jekk Inti ma ssostninix bil-grazzja tiegħek. Għandi bżonnok għal kollox, għalhekk la tabbandunanix meta fija tkun naqset il-ħila tiegħi.
Sinjur Alla, Inti hawn u jiena fik; inkellmek u ma narakx b’għajnejja; imma persważ li Inti ħaj, li qiegħed tarani, u tismagħni u li tifhimni. Inti l-Kreatur tiegħi, Inti l-Missier tiegħi, u jiena ibnek u għalhekk nirrikorri lejk u nitolbok li żżommni dejjem f’idejk. Għalkemm jiena ħażin u midneb, nieħu gost inkellmek u narak maestuż fl-opri ta’ idejk, u nkellmek bil-kunfidenza, għax jiena opra tiegħek, u għax Inti wrejtna li hi l-għaxqa tiegħek li tkun ma’ wlied il-bnedmin.
Sinjur Alla, Inti tħobbni tassew. Il-ġid li Inti għamiltli u li ħaddieħor ma setax jagħmilli jipperswadini li tassew tħobbni, u jurini li jiena obbligat wisq lejk. Iva, nirringrazzjak, u nirringrazzjak mhux bix-xofftejn tiegħi iżda fl-ispirtu u bil-verità wkoll, billi nagħmel dejjem, bil-għajnuna tiegħek, kull ma lilek jogħġob, u anki tas-sagrifiċċju tiegħi nnifsi, għax inti Alla ta’ kollox. U nirringrazzjak dejjem u kullimkien tant fil-ħwejjeg prosperi kif ukoll fil-ħwejjeg penużi, għax inti Alla tajjeb li minnek ma nistenna qatt deni; u kull deni li jiena nara fuqi rrid nieħdu b’ġid, għax ikun ħiereġ mis-Santwarju tiegħek; u wisq iżjed nirringrazzjak għax naf li inti tippretendi ringrazzjament mill-kreaturi tiegħek.
Sinjur Alla, jiena mill-opri tiegħek, bid-dawl tar-raġuni li bih żejjint ir-ruħ tiegħi, nagħrfek fl-ispirtu tiegħi u narak Alla Omnipotenti, Alla Sapjenti u Alla tal-Providenza; u narak hekk, nitgħaxxaq u nitpaxxa bik xħin naf li jiena opra tiegħek, u naf bla ebda dubju li ħadd ħliefek ma hu denn ta’ l-adorazzjoni; ħadd m’hu bħalek mingħajr bidu u mingħajr tmiem; ħadd m’hu bħalek bla tarf u bla qies; ħadd m’hu bħalek għajn ta’ kull ġid: kollox minnek, kollox mill-ħila tiegħek u kollox għalik: kull unur u kull glorja lilek waħdek għal dejjem ta’ dejjem.
Sinjur Alla, tant jien impressjonat fuq il-kobor tal-Maestà tiegħek li jiena stess nibża’ narak b’għajnejja, xħin dawn għajnejja jitriegħdu u jiċċassaw bil-biża’ jikkunsidraw biss l-opri ta’ subgħajk fil-ġmiel tagħhom, fl-ordni tagħhom u fl-intensità tagħhom. Iva, inti Spirtu li b’ebda mod ma tista’ tkun oġġett tas-sensi tagħna; iva, inti Spirtu moħbi għall-intellett tagħna li kollox jirċievi mis-sensi esterni; imma s-smewwiet ixandruk glorjuż fuq li glorjuż, u l-art u l-baħar jixhdu b’leħen li ma jammetti ebda tmerija li inti waħdek l-awtur u l-ħallieq ta’ kollox.
Sinjur Alla, nistħi minnek xħin niftakar fl-imgħoddi tiegħi għax naf li, wara li inti tant ħabbejtni, jiena għamiltlek azzjonijiet ħżiena bid-dnub. Wisq nitma li inti ħfirtli; imma, b’dankollu, il-mistħija fl-ingratitudni tiegħi lejk ma nistax ma nħosshiex. Jiena xbieha tiegħek, u azzjoni ħażina tant tagħfasli qalbi: u jista’ jkun immela li inti ma tikkunsidrax il-kruha ta’ 1-azzjonijiet ħżiena tiegħi? Kemm jisgħobbija li għamilt dak li inti ma ridtx, u li ma għamiltx dak li inti ridt! Żgur li allura ma kontx nagħraf min int, għax fin-natura tiegħi nħoss li qalb trid oħra: u żgur li ma kienx ikolli l-ħila li noffendi l-għajnejn tiegħek b’ebda mod. O xi kruha: trid id-deni lil min jagħmel il-ġid! Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla!