Mill-kitba ta’ San Ġorġ Preca, Is-Salm ta’ Patri Franku, Karmelitan
Ir-ruħ li tagħraf lilek, o Alla, dejjem hija kuntenta bix-xorti tagħha għax fik tilmaħ il-govern ta’ kollox.
Għarfek Abel u waqa’ vittma ta’ għejra fil-ġieħ li kien jagħtik.
Għarfek Ġobb u ntrabat mar-rieda tiegħek u stqarr li kollox volontà tiegħek minbarra d-dnub.
Għarfek Abraham, il-missier tagħna, u ssagrifika qalbu u ’l ibnu biex jogħġob lilek.
Għarfek Ġużeppi bin Ġakobb u stqarr li xejn ma jista’ jfixkel id-disinji tal-Providenza tiegħek.
Għarfek Mosè u kanta l-glorja tal-kobor tiegħek, Sid, Dominatur ta’ kollox u ta’ kulħadd.
Għarfek Samweli u stqarr li xejn ma jogħġbok fejn m’hemmx ubbidjenza.
Għarfek David u xerred xmajjar ta’ dmugħ bl-indiema ta’ qalbu.
Għarfek Elija u b’ħeġġa kbira ħadem biex għarrfek fost il-bnedmin.
Għarfek Danjel u stqarr li m’hemmx konfużjoni għal min jafda fik.
Għarfuk il-Qaddisin ħutna u tawk il-ġieħ li jistħoqqlok: ma fittxew f’xejn lilhom infushom,
b’xejn ma tgħaxxqu ħlief bik u nħaqru biex jaqduk bil-fedeltà.
Għarfitek il-glorjuża Verġni Marija u r-ruħ tagħha kabbritek u stqarritek potenti u qaddis.
Għarfek Ġużeppi, l-Għarus kastissmu ta’ Marija, u fis-skiet u fis-sjufija ta’ qalbu adura l-ġudizzju, abbiss bla qiegħ, tal-Providenza tiegħek.
Għarfek Pawlu ta’ Tarsu u għaraf ’il Ġesù Kristu, u lilek u lilu għamel magħrufin mad-dinja.
ll-midinbin jirreżistulek għax ma għarfukx: o kieku jagħrfu min Inti int, anki ħajjithom iħallu għalik!
Forsi Marija Madalena, forzi Żakkew, forsi s-Samaritana u l-midinbin l-oħra li għarfuk, ma tawkx kollox u xejn ma żammew għalihom?
U għalhekk ir-ruħ li tagħrfek, għalkemm wisq u wisq ħatja, tinġibed lejk u le titgerrex minnek.