Sinjur Alla – Inti hawn u jiena fik. Ħadd ħliefek ma seta’ jagħmilni,
għax inti waħdek omnipotenti li, mix-xejn, bil-qawwa ta’ kelmtek,
iġġib fl-eżistenza dak li trid: għalhekk lilek waħdek nadura bl-ispirtu u bil-verità.
Sinjur Alla – Naf żgur li wisq tagħtini widen,
għax inti stess għidt li d-delizzji tiegħek huma li tkun ma’ ulied il-bnedmin,
għalhekk noqgħod nitħaddet miegħek, għalkemm naf li inti taf kollox.
Sinjur Alla – Il-ħsieb tas-salvazzjoni ta’ ruħi jbeżżagħni wisq għall-kbira miżerja tiegħi.
Naf li għandi nitolbok waqt il-prova, iżda d-demm u l-laħam ġie li għattewli l-preżenza tiegħek.
Sinjur Alla – Jiena hawn fik sieket nixtieq li nisimgħek tkellimni,
għax kelma tiegħek hija għalija paċi, konfort u dawl.