Il-bidu
L-ewwel tlett Membri waslu Kuba f’Marzu 2011 u immedjatament stabbilixxew fil-parroċċa ta’ Sagua la Grande. Sagua hija belt, li fil-bidu tas-seklu għoxrin, gawdiet minn prosperità kbira, iżda sfortunatament, issa qed tonqos. Kien ta’ għajnuna kbira Patri Pawl Buttigieg, dak iż-żmien kappillan ta’ Sagua, li kellu rwol ewlieni fit-twaqqif tal-Qasam. L-Isqof Arturo Gonzalez kien ukoll japprezza ħafna lis-Soċjetà mill-bidu nett.
Ħidma
Matul is-snin, il-Membri għenu fir-restawr tal-proprjetajiet tal-Knisja, speċjalment il-knisja parrokkjali ta’ Sagua, il-knisja Sagrado Corazon (knisja gotika mibnija mill-Ġiżwiti u li għal żmien twil ġiet esproprjata mill-gvern komunista), il-bini li jintuża bħala Qasam u wkoll, mill-2013 ‘il quddiem, għen biex tiġi restawrata d-dar li l-Isqof Arturo xtara biex tkun ir-residenza tal-Membri. Wieħed mill-Membri għamel ukoll xogħol volontarju fl-uffiċċju tal-periti tal-Kurja lokali.
Katekiżmu fil-Parroċċa
Il-Membri kienu involuti ħafna fil-klassijiet tal-katekiżmu li jsiru fil-parroċċa ta’ Sagua la Grande kull nhar ta’ Sibt. Bl-għajnuna tal-katekisti Kubani, huma kkoordinaw il-katekiżmu ta’ madwar tminn gruppi tal-iskola primarja u tlett gruppi tal-adolexxenti. Kienu wkoll involuti fil-katekiżmu għall-adulti. Bħalissa wieħed mill-Membri qed jipprepara grupp ta’ madwar 24 adult għas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof.
Katekiżmu fil-Qasam
Matul il-ġimgħa l-Membri jagħmlu klassijiet ta’ katekiżmu fil-Qasam erba’ darbiet fil-ġimgħa. In-numru ta’ tfal u adolexxenti mhuwiex daqshekk kbir, iżda japprezzaw immens. Jiġu organizzati ħarġiet u attivitajiet oħra regolarment kemm għalihom kif ukoll għall-ġenituri tagħhom.
Stazzjonijiet barra
Sa mill-bidu nett, il-Membri ilhom joffru katekiżmu f’numru ta’ outstations. Xi wħud minnhom kellhom jiġu abbandunati matul is-snin. Bħalissa għandhom outstation f’żona residenzjali mimlija blokki ta’ appartamenti, fejn kull nhar ta’ Ħadd jipparteċipaw madwar 35 tifel u tifla. Minbarra laqgħat kateketiċi, il-membri jorganizzaw attivitajiet u jakkumpanjaw lit-tfal u l-adolexxenti fil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd.
Grupp San Jorge Preca
Il-Membri jagħtu wkoll importanza kbira lill-formazzjoni tal-adulti, speċjalment lill-membri tal-grupp San Jorge Preca. Matul is-snin, fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa ta’ siegħa, taw korsijiet fuq diversi suġġetti bħall-Bibbja, il-kredu u l-ktieb tal-Atti tal-Appostoli. Naturalment, l-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca hija dejjem preżenti permezz tat-talb u l-kotba tiegħu. Bħalissa madwar 30 persuna jipparteċipaw fil-laqgħat.
Pubblikazzjonijiet
Matul is-snin, billi nemmnu, kif għamel il-Fundatur, li l-kelma miktuba hija għodda imprezzabbli għall-formazzjoni u l-evanġelizzazzjoni, il-Membri ppubblikaw numru mhux ħażin ta’ kotba. F’Kuba, il-letteratura reliġjuża hija prattikament mhux disponibbli u l-kotba ppubblikati mill-Membri huma apprezzati ħafna. Dawn il-pubblikazzjonijiet jinkludu traduzzjonijiet ta’ kotba tal-Fundatur tagħna (madwar tnax), fuljetti ta’ tpinġija reliġjuża u attivitajiet għat-tfal, kotba magħmulin minn ġrajjiet u ħajjiet ta’ qaddisin għall-pubbliku ġenerali, u fuljetti maħsuba biex jgħinu lill-katekisti. Fl-2023 l-isqof Arturo, b’koordinazzjoni mal-ACN, ippubblika sittin elf kopja ta’ ħamsa minn dawn il-pubblikazzjonijiet u qassamhom lill-ħdax-il djoċesi ta’ Kuba. Issa qed jaħdem biex jagħmel l-istess b’pubblikazzjonijiet oħra.
Il-Kummissjoni Djoċesana tal-Katekiżmu
Matul numru ta’ snin, il-Membri kienu involuti fil-Kummissjoni Djoċesana tal-Katekiżmu. Mill-2022, huma kienu responsabbli minn din il-kummissjoni. Ix-xogħol tagħhom jinvolvi l-formazzjoni ta’ katekisti permezz ta’ seminars u korsijiet online, jipprovdu materjal stampat għall-użu tagħhom u jagħtuhom sapport u inkoraġġiment li jkun tant meħtieġ. Il-Membri taw ukoll sehemhom fil-Kummissjoni Nazzjonali tal-Katekiżmu speċjalment billi taw taħditiet lill-membri, ippreparaw fuljetti biex jitqassmu lill-katekisti kollha ta’ Kuba u organizzaw ukoll seminars ta’ tmiem il-ġimgħa għall-katekisti tad-djoċesijiet kollha.
Inkorporazzjoni ta’ Membru Kuban
Dawn it-tlettax-il sena fuq art Kubana ġabu ħafna ferħ u tama, kemm lill-poplu Kuban kif ukoll lill-Membri. Waħda mill-aktar avvenimenti ferrieħa kienet l-inkorporazzjoni ta’ Karel Cruz Alvarez fi Frar 2023. Bħalissa Karel jinsab il-Brażil jaħdem f’parroċċa ta’ Patrijiet Karmelitani.