Fl-antik, it-tieqa kienet fetħa fil-ħajt li sservi biex jidħlu l-arja u d-dawl fil-kamra, joħorġu l-irwejjaħ, u minnha jaraw ix-xenarju, jew jekk ikunx ġej xi għadu.
Fil-Bibbja, it-tieqa tissemma ħafna drabi. L-ewwel referenza għal tieqa nsibuha fl-istruzzjonijiet ta’ kif kellha tinbena l-arka ta’ Noè (Ġen 6:16).
Eżekjel jiddeskrivi l-bini u t-tempju, u jsemmi t-twieqi u fil-Ktieb tas-slaten naqraw kif u kemm kienu t-twieqi li Salamun għamel fit-tempju li bena għall-glorja ta’ Alla.
Il-profeta Ġeremija jippersonifika l-mewt, u jirrakonta kif “…telgħet il-mewt mit-twieqi, u daħlet fil-palazzi tagħna” (Ġer 9:21).
Naqraw ukoll li t-twieqi fid-dar tal-profeta Danjel kienu jħarsu lejn Ġerusalemm, u kif huwa kien jinżel għarkupptejh tliet darbiet kuljum, quddiem it-twieqi miftuħa, u jitlob biex jirringrazzja lil Alla.
Fl-Atti tal-Appostli, naqraw kif, darba minnhom, meta San Pawl kien qiegħed jipprietka, kien hemm żagħżugħ jismu Ewtiku, bilqegħda fuq iċ-ċinta tat-tieqa. Dan ħadu n-ngħas, waqa’ għal isfel, u miet mad-daqqa; iżda San Pawl reġa’ tah il-ħajja.
L-aħħar referenza nsibuha fit-Tieni Ittra lill-Korintin, li tirrakkonta kif San Pawl ħarab minn taħt idejn l-għassies f’Damasku, meta niżżluh f’ġewlaq minn tieqa.
Fil-Bibbja, is-sħab huwa metaforikament imsejjaħ ‘twieqi tas-sema’, minnfejn il-Mulej iferra’ l-barkiet tiegħu.
Bħal dawn il-persunaġġi tal-Bibbja, aħna nużaw it-tieqa għal għanijiet differenti: biex inseksku; biex nuru li qegħdin id-dar u lesti nilqgħu u ngħinu lil min jiġi għandna; biex tipproteġina mix-xita u mill-bard; jew biex innewlu xi ħaġa lil xi ħadd f’basket, u niffrankaw it-taraġ.
Kif se tagħmel użu mit-tieqa hija għażla tiegħek!
Tanja Cilia
Ħabiba tas-Soċjetà