minn Carmel G. Cauchi, Membru
Lili wkoll, avolja midneb!
Il-qaddis huwa midneb li jibqa’ jipprova.
Fl-ewwel ta’ Novembru niftakru fil-festa tal-Qaddisin kollha. Kollha, mhux biss ta’ dawk li naraw ix-xbihat tagħhom bir-raġġieri ma’ rashom u nesponuhom għall-qima fuq l-altari. Għax barra dawn, hemm ħafna qaddisin oħra li ma jissemmewx b’isimhom imma li tul ħajjithom fittxew li jgħixu skont il-Liġi t’Alla. Ma wettqux mirakli, ma sofrewx il-martirju imma għamlu ħilithom biex jimxu dritt, u meta waqgħu qamu u komplew mixjin.
Il-qaddisin ma twildux qaddisin, u ħafna minnhom kellhom iż-żelqiet tagħhom. Imma kienu nies li baqgħu jippruvaw. U fl-aħħar irnexxew. Il-qdusija mhix għal xi wħud magħżulin minn qabel biex ikun qaddisin. Il-qdusija hija programm għal kulħadd. Kulħadd huwa msejjaħ biex ikun qaddis. Il-Mulej lil kulħadd sejjaħ biex jimxi warajh. Darba Ġesù qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja” (Lq:9:23). U l-mixja wara Kristu hija t-triq tal-qdusija.
Mela l-Imgħallem lili wkoll qed isejjaħli għall-qdusija. Lili wkoll, avolja midneb! Kien hemm bosta midinbin li saru qaddisin. Għax il-Mulej ma jridx il-mewt tal-midneb imma li jikkonverti u jgħix (Eżek 18,23). Li ngħix ma tfissirx li nibqa’ ħaj fid-dinja, għax ħajti fid-dinja trid tintemm. Li ngħix tfisser li jkolli l-ħajja ta’ dejjem. Jiġifieri, li nsir qaddis!
Mulej naf li għad jonqosni
sabiex nasal fejn tixtieq;
stabar bija u stennieni,
għadni nfekren tul it-triq.