Meditazzjoni ispirata mill-kitba ta’ San Ġorġ Preca: Is-Santwarju tal-Ispirtu ta’ Kristu.
Ejjew naħsbu ftit fuq l-Evanġelju skont San Mattew:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
firħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.”
Kristu qalilna kif aħna nistgħu nkunu henjin.
X’inhu l-Ispirtu ta’ Kristu jew kif nixbah lil Kristu fl-Ispirtu tiegħu?
Nixbah lil Kristu meta nkun onest, meta nirrispetta lil kulħadd, meta ngħin minn qalbi mingħajr ma nistenna xi ħaġa lura, meta ngħid u infittex il-verità, meta ngħid il-verità minkejja l-oppożizzjoni li nsib, meta nkun ta’ sapport fil-bżonn ta’ ħaddieħor, meta nirrispetta ’l-ġenituri tiegħi, meta naħdem biex jiġi evitat il-faqar kemm materjali kif ukoll spiritwali, meta ma naħsibx fija nnifsi.
Ejjew nisimgħu silta mill-kitba ta’ San Ġorġ Preca – Il-Ktieb il-Kbir, jiġifieri Ġesù Kruċifiss:
Il-persekuzzjoni għas-servi ta’ Alla
Infatti Ġesù Kristu, il-veru werriet tal-għalqa tad-dwieli, għax-xeħħa u għall-għira ta’ dawk li fosthom hu kien mibgħut minn Alla biex jgħallem u jhenni, minflok ma ġie milqugħ bil-qima li tixraqlu, ġie falzament akkużat u ssentenzjat għall-mewt tas-salib minħabba t-tixwix u l-kalunnji: ġid imħallas b’deni.
Tagħlim fuq din il-paġna:
- Hija profezija li żgur tiġi mitmuma għax divina: “Jekk ħaqru lili, jaħqru wkoll lilkom.” (Ġw 15, 20)
- F’xi wieħed miż-żewġ tribunali, indispensabbli għal kull bniedem, jeħtieġ tingħata sentenza ħażina għax kuntrarji: “Imberkin intom meta jkunu seħtukom il-bnedmin.” (Mt 5, 11)
- Il-persekuzzjoni mill-ħżiena ġġib b’konfużjoni tagħhom glorja, kuruna u veru ġid fuq il-ġusti: ġid minn deni.
- Kawża ordinarja tal-persekuzzjoni hija s-senswalità li, biex tfittex lilha nfisha f’kollox, għandha mibegħda serja għal kull liġi u għal kull ġid spiritwali.
Proponiment
Nipproponu li dejjem illestu ruħna għall-persekuzzjoni u li nifirħu meta tiġi, fuq il-ħsieb li nixbhu ‘l-Imgħallem divin tagħna b’sinjal hekk kbir ta’ tama għall-glorja eterna.