Fl-10 ta’ Jannar 2024, il-Fakultà tal-Edukazzjoni organizzat attivita’ f’ġieħ il-Professur Ronald Sultana. Ħafna jħossu n-nuqqas tiegħu, kemm bħala kollega kif ukoll bħala persuna ġentili. Għal din l-attività attendew il-familja ta’ Ronald, ir-Rettur Professur Alfred Vella, eks-studenti u kollegi li ħadmu miegħu.
Niftakar b’għożża d-diskussjonijiet tiegħi ma’ Ronald dwar ir-riċerka tiegħi għad-dottorat. Ninsab grat għal dawn l-interazzjonijiet, l-għarfien u r-rispons, id-disponibbiltà u l-umiltà tiegħu.
Nixtieq insemmi l-esperjenza ta’ Ronald mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM). Matul it-tmien snin li ilni l-Università, kienu diversi n-narrattivi li qasam miegħi relatati mal-esperjenza tiegħu fil-Qasam tan-Naxxar.
Il-qofol kien fix-xhur tas-sajf tal-2022 meta Ronald ta tliet sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali lill-Membri. Qabel is-sessjonijiet, niftakar l-laqgħa sabiħa ta’ Ronald ma’ Membri li kien jaf, li kien ħadem magħhom meta kien Membru żagħżugħ. Konvint li dawn il-laqgħat qanqlu emozzjonijiet sbieħ fih.
Fil-bidu ta’ waħda mit-taħditiet tiegħu, irrakkonta kif ġie mistoqsi mill-familja: “Fejn sejjer?” Huwa wieġeb: “Sejjer ngħallem il-MUSEUM”. Huma rrispondew lura: “Mela se terġa’ ssir Membru tal-MUSEUM?!” Dan jixhed kemm kienet qawwija fih il-konnessjoni mal-MUSEUM. Fil-fatt, martu semmiet kif il-MUSEUM kien it-tieni familja tiegħu. Ronald ġieli rrakkuntali b’għożża kif , fl-età ta’ 16-il sena, s-Superjur tiegħu kien għenu sabiex jindirizza u jgħallem għall-ewwel darba u grupp ta’ tfal.
Waqt żewġ sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali li attendejt l-Università, Ronald beda billi sostna li kien il-MUSEUM li għenu sabiex jidħol fil-fond tal-pedagoġija . Dan il-fatt għenni nirrifletti aktar dwar il-missjoni tas-Soċjetà, speċjalment meta xi adolexxenti juru x-xewqa li jagħtu sehem fil-gruppi tal-katekiżmu tat-tfal żgħar. Meta nirriflettu dwar l-esperjenza ta’ Ronald fuq l-impatt pedagoġiku li rċieva mill-MUSEUM, nitħeġġu biex inkomplu niggwidaw u nakkumpanjaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, filwaqt li nżommu sew f’moħħna l-kontribut li kull wieħed minn dawn iż-żgħażagħ possibilment ikun jista’ joffri lis-soċjetà in ġenerali aktar ‘il quddiem.
Ir-riċerka hija t-tfittxija għall-għerf. Ilkoll nixxenqu li xi darba nkunu magħqudin mas-Sors Veru tal-Għerf, li niltaqgħu mal-wiċċ tant mixtieq li jifforma l-għaxqa tal-qaddisin .
Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u jimla lill-familja tiegħu bil-paċi.
Manuel Mizzi
Membru mill-Qasam ta’ Ħal Tarxien, Malta