Kbar u tal-għaġeb huma l-opri ta’ idejk, o Sinjur Alla Omnipotenti!
Dun Ġorġ kien “jgħum” f’Alla. Mhux biss kellu qima reverenzjali lejh bħala l-Mulej ta’ l-eżerċti, imma wkoll kien jafda fih b’kunfidenza bla tarf bħala Missier. Dan is-sens qawwi ta’ biża’ u stagħġib, adorazzjoni u abbandun, reverenza u fiduċja, kif jinħass kontinwament fl-Arloġġ Museumin, huwa rifless fil-lingwaġġ li bih il-Fundatur tkellem u kiteb. Bi stagħġib li jixbah lil ta’ tifel żgħir huwa jiskopri l-kobor t’Alla u jitpaxxa bih: “Kbar u tal-għaġeb huma l-opri ta’ idejk, o Sinjur Alla Omnipotenti!”
L-għarfien ta’ Alla jkabbar is-sens ta’ adorazzjoni mill-kreatura għall-Kreatur għax fl-ispirtu ta’ San Mikiel is-Soċju jagħti unur u glorja lil Alla biss. L-għarfien ta’ Alla jnissel ukoll sens ta’ familjarità u intimità miegħu għax is-Soċju museumin isir ta’ ġewwa mal-Mulej: “Il-qalb tagħna hija tiegħek… aħna tiegħek u inti tagħna. Amen”. Għalhekk is-Soċju jitlob kuljum lil Ġesù, l-Iben Inkarnat tal-Missier, biex jagħmlu “sieħeb tad-divinità tiegħu”, u lit-Trinità Qaddisa biex tagħmlu ħaġa waħda fiha.
Din l-intimità ma’ Alla trawwem fis-Soċju qalb kontemplattiva jew mistika, ta’ min tgħallem isib lil Alla f’kollox u jara kollox f’Alla. Is-Soċju jadura ’l Alla “bl-ispirtu u bil-verità”, f’dak kollu li jagħmel u f’dak kollu li jġarrab matul il-ġurnata kemm fi ħwejjeġ prosperi kif ukoll penużi. Bl-għajnejn kontemplattivi tiegħu huwa jsib, jara u jadura lil Alla fil-membri tal-familja tiegħu, fi sħabu ta’ fuq ix-xogħol, fil-proxxmu fil-bżonn ta’ l-għajnuna tiegħu, f’ħutu s-Soċji, fil-ħidma ta’ l-impjieg jew tal-professjoni tiegħu, fl-appostolat tax-Xandir tal-Kelma.
Għalhekk is-Soċju jrodd ħajr kuljum lil Alla għall-benefiċċji kollha li għamel miegħu. B’din l-attitudni abitwali ta’ radd il-ħajr is-Soċju jnissel fih abborriment lejn id-dnub, “l-għadu orribbli ta’ Alla” u, filwaqt li jaħrab kull dnub fih u madwaru, is-Soċju jgħożż ħafna l-maħfra ta’ Alla: “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla”, filwaqt li jgħix il-Beatitudnijiet (Mt 5:3-10) li l-Fundatur mill-bidunett saħaq fuqhom u ċċelebrahom fis-Soċjetà.
Billi din l-attitudni kontemplattiva hija fundamentali għall-ħajja spiritwali u appostolika tas-Soċji, u billi s-soċjetà postmoderna tittanta tifga kull nifs ta’ fidi u sens traxxendentali, is-Soċju hu mħeġġeġ serjament li jara kif jikkultiva fih innifsu b’kull mezz is-sens ta’ Alla.