ħajjithom ukoll tikseb sens biss jekk tingħax kompletament għal Alla u fid-dawl tal-eternità
Konxji li mill-Providenza messhom sehem tassew għal qalbhom (Salm 16 (15):6), is-Soċji jagħrfu l-valur tas-sejħa taċ-ċelibat għax din tixhed b’mod ċar u qawwi ħafna s-sejħa ta’ kull nisrani li bħal Kristu jrid jiżvojta kompletament lilu nnifsu u ma jħalli xejn jidħol bejnu u bejn il-Missier. Fi kliem ieħor biċ-ċelibat tiegħu s-Soċju qiegħed jesprimi t-tfittxija ħerqana tiegħu għall-“ħaġa waħda meħtieġa” (Lq 10:42), u b’hekk ikun qiegħed jgħix is-sejħa universali tal-monastiċiżmu interjuri u jixhed għaliha.
Għaldaqstant il-ħajja ċelibi tiddependi fuq ħajja ta’ talb li mingħajru ħadd ma jista’ joħloq fih spazju għal dan “l-Oġġett Wieħed tal-qalb”, u allura ċ-ċelibat ma jkunx qed jingħax b’mod san. It-tħaddin taċ-ċelibat iwassal ukoll għall-faqar fl-ispirtu, anzi ċ-ċelibat fih innifsu huwa sinjal ta’ faqar evanġeliku. It-talb kontemplattiv u l-attitudni ta’ faqar jagħtu sinsla lis-Soċju biex jgħix iċ-ċelibat b’ferħ u b’impenn f’relazzjoni triplika ma’ Alla, ma’ sħabu s-Soċji u mal-bnedmin ħutu. L-integrazzjoni ta’ dawn it-tliet relazzjonijiet hija sinjal ta’ ċelibat Museumin san. B’hekk, biċ-ċelibat tiegħu, is-Soċju mhux biss ikollu aktar ħin u jkun aktar disponibbli għax-xandir tal-Kelma imma jkun qiegħed isaħħah dak li jxandar permezz tax-xhieda tal-ħajja tiegħu. Waqt li jagħmel lilu nnifsu mhux għaż-żwieġ minħabba s-Saltna t’Alla, is-Soċju tant jitkebbes bl-imħabba t’Alla u tant jirċievi minn din l-imħabba li hu stess ikun kapaċi jħobb ħafna u jagħti ħafna, l-aktar fl-ikbar opra tal-ħniena li jgħallem lil min ma jafx.
L-għejxien san taċ-ċelibat jitlob ħafna dixxerniment u dixxiplina quddiem bosta għażliet li l-ħajja fid-dinja tippreżenta lis-Soċju. Għalhekk hu jitlob spiss il-grazzja li “jikkonverti effikaċement” lejn Alla ħalli jkollu d-dehen u l-kuraġġ biex jagħraf u jindirizza t-tliet kompensazzjonijiet li jistgħu jinbtu fl-għejxien mhux san taċ-ċelibat: stil ta’ ħajja komda u indipendenti; ebusija ta’ qalb insensittiva u nieqsa minn emozzjonijiet umani lejn l-oħrajn, u xogħol impulsiv bħala l-aqwa sodisfazzjon tiegħu. Il-periklu ta’ dawn it-tliet kompensazzjonijiet jonqos aktar ma r-ruħ tixtieq b’ħilitha kollha li tingħaqad ma’ Alla u allura “iktar timxi bil-ħeffa u ma tħossx u la toqol u lanqas għeja. Ibatu biss dawk li jidħlu f’din l-għaqda b’nofs ħajra”.