il-ħeġġa li jaqsam din l-Aħbar it-Tajba ma’ kulħadd
Mill-bidu tas-Soċjetà kwalità indispensabbli tas-Soċju museumin kienet l-għatx għat-tagħlim u l-ħerqa li jgħallem kif jista’ u lil min jista’ dak li jkun tgħallem. Għalhekk din id-dimensjoni għandha influwenza primarja u determinanti fuq l-istil tal-ħajja tas-Soċju. Għalhekk is-Soċju għandu jħabrek biex jimpenja ruħu fix-Xandir tal-Kelma ta’ Alla, fiċ-ċirkostanzi partikolari li jkun qiegħed jgħix fihom għax huwa dan li jagħti sura lil ħajtu, billi qabel kull ħaġa oħra s-Soċju hu “veru appostlu” attiv fix-xandir tal-Kelma. Dan l-appostolat tax-xandir tal-Kelma b’kull mezz li toffrilna r-Regola, jinvolvina daqstant li normalment jeskludina minn qadi u ministeri oħra fil-Knisja.
Is-Soċju li jesperjenza l-qawwa tal-Kelma, tikber fih il-ħeġġa li jaqsam din l-Aħbar (Evangelion) ma’ kulħadd. “Dak li rajna u smajna aħna nħabbrulkom,… biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ” (1Ġw 1:3-4). Is-Soċju, bħall-ewwel Superjur Ġenerali, Ewġenju Borg, f’qalbu jħaddan id-dinja għax iħoss li min-natura tiegħu huwa missjunarju. Hu jħaddan dan l-ideal b’ħarstu msammra fuq Kristu Kruċifiss li quddiemu wiegħed li lejH biss iħares il-ġranet kollha ta’ ħajtu, u mal-Profeta Isaija jifraħ għax jemmen li huma “sbieħ ir-riġlejn ta’ dawk li jħabbru s-sliem, ta’ dawk li jxandru s-salvazzjoni”. Għalhekk is-Soċju jikkultiva fih attitudni ta’ libertà tal-qalb li tissarraf fi flessibiltà, mobilità u disponibiltà biex ikun jista’ jmur u jwettaq l-appostolat kull fejn ikun meħtieġ għax l-għalqa tas-Soċjetà għandha tkun tabilħaqq kull fejn hemm il-ħtieġa tat-tagħlim.
Min-naħa l-oħra, hi u tevalwa r-realtà u ċ-ċirkostanzi tal-bniedem tal-lum, b’inqas ħin fuq idejh u b’ħajja ferm aktar mgħaġġla, is-Soċjetà trid tgħin lis-Soċji jintegraw l-appostolat mad-dimensjonijiet l-oħra tal-vokazzjoni tagħhom b’mod li l-ħajja attiva tagħhom, minkejja t-toqol u s-sagrifiċċju tagħha, tkun espressjoni ta’ l-imħabba tagħhom lejn Alla, mezz li bih iqaddsu d-dinja, mod kif jgħixu fil-prattika l-manswetudni u l-umiltà, u fuq kollox mod kif huma jigglorifikaw u jfaħħru lil Alla. Il-Fundatur kien ċar ħafna dwar il-prijoritajiet: “Itlob ’l Alla li jferik bl-imħabba tiegħu. Min iħobb jittajjar, jiġri, jithenna, huwa maħlul minn kollox, ebda ħaġa ma żżommu. Jagħti kollox u għandu kollox f’kollox, jiġifieri jsib il-mistrieħ tiegħu f’dak li huwa l-aqwa ġid fuq kull ġid ieħor.”
L-appostolat tat-tagħlim jagħti wkoll lok biex is-Soċju jiżviluppa l-ħiliet u l-kapaċitajiet li Alla żejnu bihom. Kull Soċju filwaqt li jiskopri liema huma t-talenti tiegħu, iħabrek biex jiżviluppahom u jorjentahom lejn l-appostolat tax-Xandir tal-Kelma għax kull ħila jew talent jista’ jintuża biex titwassal l-Aħbar it-Tajba. Il-kapaċitajiet letterarji, artistiċi, tekniċi, mużikali, akkademiċi u xjentifiċi li bihom huma mogħnija s-Soċji huma doni li jistgħu jiksbu direzzjoni u jsibu l-milja tagħhom f’espressjonijiet varji ta’ l-appostolat tas-Soċjetà. Fost dawn il-kapaċitajiet għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kapaċità umana li biha ħafna Soċji jiġbdu t-tfal u ż-żgħażagħ lejn l-Oqsma tas-Soċjetà.