Is-sejħa museumina, bħal kull sejħa nisranija oħra, tieħu l-ħajja minn Kristu li hu ħaj fil-Knisja tiegħu, u fl-istess ħin tagħni l-ħajja tal-Knisja permezz tal-kariżma partikulari tagħha. Is-Soċjetà sa mill-bidu kienet immarkata bir-rabta tagħha mal-Knisja u mwaqqfa għas-servizz tagħha. Tispikka wkoll mill-bidu kienet l-ubbidjenza lejn il-Papa. Fl-ewwel snin tas-Soċjetà, il-Fundatur għaġġeb lill-awtoritajiet ekklesjastiċi bil-fedeltà tiegħu lejn il-Knisja. Huwa fehem li din il-fedeltà kienet tfisser fedeltà lejn dak li Alla sejjaħlu għalih. Dun Ġorġ għaraf li s-Soċjetà setgħet biss tkun ta’ għajnuna u ta’ servizz għall-Knisja jekk is-Soċji jgħixu l-Magħmudija u s-sejħa tagħhom “mingħajr ma jħarsu lejn l-ebda stat ieħor”.
Is-Soċju jrodd ħajr lil Alla li huwa Nisrani. Hu jifraħ li mill-Magħmudija u l-Griżma ħa s-sejħa tas-sequela Christi li s-Soċju għandu komuni ma’ Insara oħra u b’hekk, filwaqt li jipparteċipa fil-ħajja Trinitarja jkollu sehem mill-ħidma triplika ta’ Kristu. Bħala Nisrani, is-Soċju japprezza l-impenn li tagħtih din il-konsagrazzjoni tal-magħmudija. Għalhekk japprezza li ta’ Nisrani għandu jgħix “is-sentenza fundamentali” li Kristu indirizza lil kulħadd: “Min irid jiġi warajja jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja” (Lq 9:23). Is-Soċju jifhem, imma, li huwa msejjaħ biex din is-sequela Christi jgħixha bi stil partikolari bbażat fuq l-ispirtu, it-tradizzjoni u r-Regola Museumina.
F’dan l-ispirtu ekkleżjali s-Soċjetà kontinwament tfittex li tagħraf u tifhem aktar dak li Alla sejħilha biex tkun. L-għarfien ta’ l-identità tagħha jrid iwassalha biex tgħix b’aktar awtentiċità l-vokazzjoni tagħha u b’hekk tibqa’ dejjem relevanti fi ħdan il-poplu t’Alla. Din ir-relevanza tinkoraġġixxi s-Soċjetà biex tespandi l-preżenza u l-ħidma tagħha f’oqsma u f’partijiet oħra tal-Knisja li għadhom m’humiex jistagħnew mill-kariżma tas-sejħa museumina.
Dun Ġorġ għaraf li l-kariżma speċifika tas-Soċjetà fil-Knisja kienet dik ta’ lajċi ċelibi ffurmati fil-ħajja u fit-tagħlim nisrani, b’rabta mal-Maġisteru, b’formazzjoni kontinwa biex ikunu jistgħu jagħtu xhieda profetika tal-ħajja nisranija fid-dinja u jwettqu appostolat assidwu ta’ katekeżi u formazzjoni fil-fidi mat-tfal, żgħażagħ u adulti u b’hekk jitqaddsu u jigglorifikaw ’l Alla.