Ir-Risposta ta’ San Ġorġ Preca
San Ġorġ Preca għażel li jgħallem lill-poplu minflok li jħallih jgħix bid-devozzjonijiet li kellu. B’hekk ħafna drabi kien jgħallem u jirrepeti: ‘għallem lill-poplu biex ikun konvint minn dak li jemmen, irrispettivament mill-isfidi li jiltaqa’ magħhom’. Permezz tal-qawwa kariżmatika u tal-personalità tiegħu, huwa waqqaf armata silenzjuża għal Kristu: irġiel u nisa li, mingħajr ma jintgħarfu b’mod radikali mill-poplu komuni permezz ta’ lbies jew uniformi, tant ikunu ffurmati u mgħallmin tajjeb fil-ħajja spiritwali tagħhom illi fis-satra jiddu quddiem l-oħrajn bl-eżempju tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, kull fejn ikunu. Iktar u iktar, fi żmien meta l-lajċi kienu għadhom mhux magħrufa uffiċjalment li għandhom sehem importanti fit-tixrid tal-Evanġelju, San Ġorġ Preca fada lis-segwaċi tiegħu biex jgħallmu l-katekiżmu. Dan il-grupp żgħir tiegħu, ta’ rġiel u nisa, saru s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (iktar magħrufa f’Malta bħala M.U.S.E.U.M.).
Oppożizzjoni
Minkejja l-kobor magħruf u l-mertu ta’ San Ġorġ Preca, il-fażi tal-bidu tal-ħidma appostolika tiegħu ma kinitx kollox ward u żahar. Pjuttost, ix-xewk li ltaqa’ miegħu kien ħafna u kien jaqta’. Huwa ġie mgħajjar fil-gazzetti minkejja li n-nies baqgħet tfittxu għall-parir. Il-quċċata tal-oppożizzjonijiet intlaħqet meta l-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech ordnalu, f’isem l-Arċisqof, biex jagħlaq l-Oqsma li huwa kien fetaħ. Dawn l-oppożizzjonijiet ma kinux xi ħaġa ġdida fi ħdan il-Knisja. Ħafna mill-Fundaturi l-kbar missithom l-istess xorti. San Ġorġ Preca, bħal Don Bosco, kien akkużat li kien miġnun, u, bħal San Filippu Neri, kien ikkritikat għall-opri ta’ ħniena li kien iwettaq. L-istess Arċisqof li ordna lil San Ġorġ Preca biex jagħlaq l-Oqsma u qal li qatt ma kien se japprova s-Soċjetà li hu kien waqqaf, kien daqt se jagħti lil Dun Ġorġ u lis-Soċjetà tiegħu libertà fid-Djoċesi kollha u jafdahom mingħajr riservi.
Meħud minn: https://youtube.com/@johnmicasdc