Manuvra b’Sigarett
Iżda San Ġorġ Preca ma mietx. Baqa’ ħaj wara li kienu ilhom li mietu kemm missieru u kemm it-tabib Meli. Anzi, laħaq għalaq 82 sena qabel miet. Il-ferħ tagħna mhuwiex biss li għex ħajja twila, iżda li ż-żmien li kellu użah tajjeb ħafna.
Meta kien seminarista, kien imur sal-Port il-Kbir, jitla’ fuq vapuri barranin li kien ikun hemm, u jintroduċi lilu nnifsu lill-baħrin Griegi, Ingliżi u Franċiżi billi joffrilhom sigarett. Kemm l-intelliġenza akuta kif ukoll l-umoriżmu tiegħu kienu jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk l-irġiel li kien ikunu ilhom żmien twil fuq il-baħar, u f’ħin qasir il-kjeriku żagħżugħ kien iwassal ‘il-udjenza tiegħu għal ħwejjeġ spiritwali. Ħafna kienu dawk il-baħrin li baqgħu impressjonati minn dan ir-raġel ġentili li kien ifittex b’ħerqa kbira l-ġid tal-proxxmu tiegħu.
Din il-manuvra b’sigarett kienet użata ta’ spiss. Meta sar jaf li grupp ta’ żgħażagħ kellhom id-drawwa li jiltaqgħu regolarment, San Ġorġ Preca malajr ra kif ikollu ħbiberija magħhom. Mhux dejjem kien milqugħ b’edukazzjoni minnhom, iżda iktar iva milli le, kien jintlaqa’ sew, tant li l-kliem tiegħu fuq ħwejjeġ spiritwali kien ikun milqugħ u aċċettat daqs kliemu fuq affarijiet oħra. Ftit wara, dan il-grupp ta’ żgħażagħ, li kien jiltaqa’ viċin il-knisja parrokkjali tal-Ħamrun, l-ewwel fosthom ikun Ewġenju Borg, beda jikber u jiżdied, tant li kellha tinkera kamra biex setgħu jiltaqgħu fiha.