Iċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Ħanin Samaritan inbena intenzjonalment biex jinħoloq spazju fejn l-individwi jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-fidi Nisranija, isaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù, u jiskopru modi ġodda ta’ talb filwaqt li jsibu serħan mill-istorbju u l-ġenn tal-ħajja. Iċ-ċentru joffri sala tal-konferenzi li tista’ takkomoda sa mija u ħamsin ruħ u hija mgħammra bi screen ta’ erba’ metri wisgħa u sistema tal-sound ikkontrollata minn kamra li tinsab wara s-sala. Barra minn hekk, is-sala tal-konferenzi għandha kamra tat-traduzzjoni għal nies li jitkellmu lingwi differenti matul il-konferenza.
Barra minn hekk, hemm sala oħra li tista’ takkomoda sa tmenin persuna u hija mgħammra b’faċilitajiet simili għall-projezzjoni u l-ħoss. Madwar din is-sala, hemm tliet kmamar iżgħar li huma ideali għal gruppi żgħar ta’ madwar għoxrin persuna. Iċ-ċentru tal-konferenzi jinkludi wkoll kappella żgħira li hija perfetta għall-meditazzjoni personali.
Dar il-Ħanin Samaritan joffri akkomodazzjoni għal numru ta’ persuni li jattendu diversi attivitajiet bħal irtiri u seminars. Għandu għoxrin kamra li jistgħu jakkomodaw sa tliet persuni kull waħda.
Il-ġnien ta’ Dar il-Ħanin Samaritan joffri spazju ieħor kemm għall-meditazzjoni kif ukoll għall-ħin rikreattiv.