“Kemm inħossni xxurtjat li Ġesù għażel lili biex nurih kemm inħobbu b’dan il-mod!”
Nhar it-30 ta’ April 1992, lejlet li Gilbert għalaq għaxar snin, huwa ħass uġigħ ta’ ras qawwi. It-tifel ittieħed għand professur, sarlu CT Scan urġenti, li mill-ewwel indika lil tal-familja li t-tifel kellu tumur f’moħħu, u li kien hemm bżonn isifruh l-Ingilterra biex joperawh.
Tal-familja kollha kienu xxukkjati iżda Gilbert ħa din l-aħbar b’kalma kbira u iktar tard stqarr ma’ oħtu Lorainne: “Lor, kemm inħossni xxurtjat li Ġesù għażel lili biex nurih kemm inħobbu b’dan il-mod!” Kien jgħid ma’ kulħadd: “Alla lili ppreferieni.”
Simiana kien igib hekk b’għożża u fl-istess ħin kburija l-badge tal-‘Verbum Dei’ fuq sidru. Tant kienet għażiża din il-badge għalih, li meta waqt il-marda tiegħu kien ikun rikoverat l-isptar u hemmhekk kienu jibdlulu l-piġama, huwa kien mill-ewwel jerġa’ jilbes il- Verbum Dei fuq il-ġdida.
Kuljum, Gilbert kien jitlob l-Arloġġ Museumin, talba kull siegħa miktuba minn San Ġorġ Preca, u ħmistax-il posta Rużarju, għax kien iħobb lill-Madonna b’imħabba ta’ iben lejn ommu. U kuljum, anke meta kien l-isptar fl-Ingilterra, kien jaqra biċċa mill-Bibbja.
“Alla lili ppreferieni!”
F’Awwissu tal-1996, Gilbert żar Lourdes flimkien ma’ missieru. Din il-mawra kienet waħda li nisslet eċitament kbir fih. Gilbert, quddiem il-grotta f’Lourdes, talab biex imut mingħajr dnub, u mbagħad jekk trid il-Madonna tidħol għalih quddiem Alla u jfiq tagħmel hi, imma l-unika ħaġa importanti għalih kienet li jmut mingħajr dnub. Qal lil oħtu wkoll li l-akbar xewqa li kellu kienet li l-familja tiegħu tiltaqa’ miegħu fil-Ġenna.
Kien wasal l-aħħar jum. L-aħħar li kellmuh tal-familja kien l-Erbgħa 25 ta’ Frar 1998. Iż-żagħżugħ kien tilef id-dawl t’għajnejh. Dr. Michael Cassar, it-tabib tal-familja jistqarr li Gilbert qatt ma gerger jew ilmenta mill-marda tiegħu. Jistqarr ukoll li kien sema’ lil ta’ madwaru jgħidu li Gilbert kien jgħid li “Ġesù bata, mela jien inbati wkoll u noffri t-tbatijiet tiegħi għall-bżonnijiet tal-Papa.”
Gilbert kien nofsu konxju, imma seta’ jisma’ u l-qraba tiegħu qagħdu jgħidu r-rużarju ħdejh. Tatu taqliba wara l-oħra, imma kien għad baqa’ ftit ieħor. L-aħbar li ż-żagħżugħ qaddis kien qed imut ġriet mar-Rabat u laħqet lin-Nunzju li malli sema’ mar jiġri l-isptar. Ħadd ma jaf x’intqal bejn in-Nunzju u Gilbert f’dik l-aħħar laqgħa tagħhom. Nafu biss li meta spiċċat il-laqgħa ta’ bejniethom, in-Nunzju ħareġ u lil oħtu talabha li malli jseħħ dak li kellu jseħħ, jibagħtu mill-ewwel għalih.
Kien imdawwar b’tal-familja u fil-fatt miet fi ħdan Kevin, dak iż-żmien l-għarus ta’ oħtu u llum ir-raġel tagħha. Miet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 1998 fl-Isptar San Luqa. Gilbert kellu sittax-il sena neqsin tliet xhur meta miet. Mal-mewt, il-qraba tiegħu jistqarru li wiċċ Gilbert kellu fuqu tbissima ta’ paċi li tat paċi lil kull min rah.
Gilbert Simiana
fuljetti dwar il-ħajja ta’ Gilbert Simiana