Id-devozzjoni għażiża lejn ir-Rużarju mqaddes ġiet murija u mgħallma lil San Duminku ta’ Gużman fis-seklu 13 mis-Sultana tas-sema u tal-art, Marija. San Duminku, bħala arma kontra t-tagħlim ħażin ta’ żmienu, ta f’idejn l-insara l-kuruna tar-Rużarju. Dina d-devozzjoni ġiet milqugħa hekk bil-ferħa mill-insara li sal-lum ebda devozzjoni oħra lejn il-Madonna ma hija magħrufa daqsha.
Ir-Ruzarju huwa l-għaxqa l-iżjed kbira u għall-qalb ta‘ Marija. Min ikun jgħid ir-Rużarju jkun qed jgħaqqad flimkien it-talb tal-fomm u t-talb tal-moħħ; għax waqt li jkun qed itenni dak it-talb qaddis u sbejjaħ, ikun ukoll qed jaħseb fuq il-misteru tal-posta li jkun qed jgħid.
Ir-Rużarju huwa wisq nobbli u tal-għaġeb għall-ġid li joħroġ minnu! Jgħin lill-persuna fit-tnaqqis tal-vizzju u t-tkattir tal-virtù, jagħti l-qawwa kontra t-tentazzjonijiet l-ġibdiet ħżiena tal-bniedem, u fuq kollox jagħti ġieħ lil Alla u lil Omm tiegħu.
Ir-Ruzarju Mqaddes huwa miżmum b’għożża kbira wisq mis-Sultana tas-sema u tal-art. Ġewwa Lourdes, Marija dehret lil Santa Bernardina bil-kuruna tar-Rużarju mdendla ma’ driegħha l-lemin. Fil-ġrajja tal-għaġeb li saru ġewwa Fatima, il-Madonna rrikmandat ir-Rużarju. Dana kollu dejjem għamlitu biex turi kemm ir-Rużarju huwa għal qalbha u kemm hu ta’ qawwa u ta’ ġid kbir għal min jitolbu.
“X’inhu nisrani mingħajr il-kuruna tar-Rużarju fuqu?”, kien jgħid San Karlu Borromeo. Inġibu mmela dejjem fuqna l-kuruna mbierka u nużawha b’qima kif jixraq biex innisslu fina mħabba lejn l-Imqaddsa Omm Alla taħt it-titlu tar-Ruzarju!