Bil-għajnuna t’Alla wasal u bdejna iż-żmien sabiħ liturġiku tal-Milied.
X’inhi r-raġuni ta’ din il-festa? Ir-raġuni mhijiex il-ferħ li ġġib magħha din il-festa. Dak sekondarju. Ir-raġuni mhijiex l-għaqda li nħossu bejnietna. Ir-raġuni hija waħda – Ġesù: Alla magħmul bniedem, l-inkarnazzjoni.
Jekk mhuwiex hekk, qed niżbaljaw ir-raġuni ta’ dan kollu, għax kif jgħallimna San Pawl ma hemm l-ebda pedament ħlief dak li diġà mqiegħed, jiġifieri, Ġesù Kristu. (1 Kor 3,11)
X’inhi l-inkarnazzjoni? Il-kelma tfisser imlibbes bil-laħam u tirreferi għat-twemmin nisrani li t-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa jiġifieri l-Iben li sar bniedem bħalna, li daħal fl-istorja umana (għax Alla ma jgħixx fiż-żmien iżda fl-eternità) li ħa ġisem bħal tagħna, twieled minn mara bħalna, biss mingħajr indħil ta’ raġel, kif tgħallem il-Knisja u kif juri tajjeb il-Vanġelu mfisser mill-Magisteru. Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat ’l Ibnu magħmul minn Mara. (Gal 4,4)
Dan kien mument uniku fl-istorja tal-umanità li ta tifsira ġdida lill-istorja tal-bnedmin.
T.S. Eliot fil-pageant-play tiegħu The Rock (1934) jikteb ftit versi mill-isbaħ dwar l-inkarnazzjoni:
A moment not out of time, but in time, in what we call history transecting,
bisecting the world of time, a moment in time but not like a moment of time.
A moment in time was made through that moment:
for without the meaning there is no time, and that moment of time gave the meaning.
L-inkarnazzjoni kienet l-idea li ħolom Alla għall-bniedem biex il-bniedem jogħla għal dak li hu divin. Ħadd qatt ma kien joħlom li Alla jista’ jsir bniedem bħalna f’kollox, minbarra id-dnub.
Mhux ta’ b’xejn li l-inkarnazzjoni tkompli tgħaġġeb lill-bniedem! Mhux ta’ b’xejn kif kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca li l-umiltà ta’ Ġesù għaġġbet saħansitra lill-anġli kif ukoll lil Satana u lil sħabu. Mhux ta’ b’xejn li dan hu misteru pedamentali fir-reliġjon tagħna.
F’Is-Sena tas-Sinjur, San Ġorġ Preca jikteb: “Fl-Inkarnazzjoni naraw l-imħabba eċċessiva ta’ Alla lejn il-bnedmin”. Alla għandu imħabba tal-ġenn lejn il-bniedem midneb u din dehret fl-azzjonijiet kollha ta’ Ġesù.
Grazzi Sinjur Ġesù Kristu li sirt wieħed minna biex nistgħu nsejħulek ħuna l-kbir!