Oriġinarjament, din l-ikona turi lill-Verġni bit-tarbija Ġesù f’idejha. Il-figura tal-Verġni Omm Alla, is-sbuħija nobbli ta’ wiċċha, il-qawwa serena tal-fiżjonomija tagħha, kollha jfakkruna fl-arti klassika Biżantina tas-seklu 14. Din l-ikona tirrappreżenta lill-Verġni Marija li hi kemm sabiħa u ħelwa, kif ukoll imdejqa u ferħana, b’għajnejn li jippenetraw u li jifhmu lill-bniedem. Tidher serja ħafna, waqt li tikkontempla t-tbatija li għad trid tiġi. Għajnejha huma penetranti ħafna u qiegħda tħares ‘il barra: bħal donnha qed tistedinna nikkontemplaw magħha l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u t-tbatija li kellu jgħaddi minnha Binha Ġesù. Il-qawwa tad-dawl fuq wiċċha narawh permezz ta’ raġġi żgħar ta’ dawl u, b’mod speċjali, mill-ġmiel u mid-dija li jidhru ħerġin mill-ġilda ta’ wiċċha stess.
Hi mlibbsa l-kuluri tradizzjonali. Iż-żewġ kuluri flimkien qed jgħidulna li għalkemm Marija hi Omm Alla, hija bniedma bħalna: id-divin (ikħal) imlibbes l-uman (l-aħmar). Il-libsa tagħha hi ikħal skur. Dan il-kulur jgħin lill-bniedem jintrefa’ ’l fuq.
F’verżjonijiet oħra ninnutaw tliet stilel fuq il-velu tal-Verġni, waħda fuq kull spalla u waħda ‘l fuq minn ġbinha. Fl-ikonografija Biżantina, it-tliet stilel ifissru l-verġinità tagħha qabel, waqt u wara t-twelid ta’ Ġesù. L-istilel huma kważi dejjem dehbin u bi tmien ponot, iżda n-nofs dejjem forma ta’ salib biex ifakkruna fil-passjoni. M’humiex integrati mal-libsa jew minsuġin fil-mantell imma pjuttost jidhru bħallikieku kienu miżjuda/poġġuti magħha bħal speċi ta’ labar tal-filigranu.
Joe Galea
Membru