André Bessette, imwieled Alfred Bessette, twieled fid-9 t’Awwissu tal-1845, f’Quebec, il-Kanada, u kien it-tmien wild fost tnax. Meta kellu biss tnax-il sena, mitulu l-ġenituri u kellu jmur jaħdem għal rasu fl-Amerika.
Ta’ 25 sena, irritorna lura Quebec u l-kappillan ħajru għall-ħajja reliġjuża u bagħtu għand il-patrijiet tal-Kongregazzjoni tas-Salib Imqaddes. Però, wara sena novizzjat ma ġiex aċċettat minħabba saħħtu li kienet dgħajfa sa minn tfulitu. Wara li rrikkmandah l-Isqof Bourget, il-Kongregazzjoni laqgħetu u André baqa’ magħhom sal-aħħar ta’ ħajtu.
Is-superjuri baqgħu xettiċi fuqu. Tawh irwoli żgħar bħal li jieħu ħsieb il-bieb tal-Kulleġġ ta’ Notre Dame f’Montreal, jaħsel il-ħwejjeġ u jagħmilha ta’ sagristan u messaġġier, però xejn ma skuraġġieh milli jkompli. Infatti kien qal: ”Meta ngħaqadt ma’ din il-komunità, is-superjuri bagħtuni mal-bieb u jien bqajt għal erbgħin sena”.
San André kellu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp u din wasslitu biex jitlob lill-isqof għall-fondi biex jibni kappella ddedikata lilu fuq il-Muntanja Royal. Tah il-permess imma rrifjuta li jtih fondi u għalhekk André bena kappella minn xi flus li kien ġemma’ maż-żmien. Bessette baqa’ jiżviluppa l-kappella u żied magħha post fejn joqogħdu l-patrijiet biex jieħdu ħsieb is-santwarju. Sal-aħħar ta’ ħajtu il-kappella saret bażilika li sal-lum għadha l-akbar knisja fil-Kanada u għandha waħda mill-ikbar koppli fid-dinja.
San André miet fis-6 ta’ Jannar tal-1937 meta kellu 91 sena. Ġie kkanonizzat fis-17 t’ Ottubru 2010 u huwa l-ewwel qaddis tal-Kongregazzjoni. Avolja ħafna kkritikawh u ma emmnux fih, ħadd ma rnexxielu jwaqqaf ’il San André u dan iservi ta’ eżempju għalina biex qatt ma naqtgħu qalbna u nagħmlu dejjem ir-rieda t’Alla għalina.
Daniel Cardona
Kandidat