addattat mill-ktieb ta’ San Ġorġ Preca, Verbum Caro
Fit-Testment il-Qadim insibu bosta profeziji fuq Ġesù Kristu relatati mat-twelid, il-ħajja, il-mewt u r-reżurrezzjoni tiegħu. Rigward it-twelid tiegħu fid-dinja, imsemmu x’uħud minnhom:
Id-dixxendenza tiegħu minn nisel uman, kif hemm fil-Ġenesi 3:15.
U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu.
Kellu jitnissel mill-poplu Lhudi, min-nisel ta’ Abraham, Iżakk u Gakobb, kif hemm fil-Ġenesi 28:14.
U jkun nislek bħat-trab tal-art… u jitbierku bik u bin-nisel tiegħek it-tribujiet kollha tal-art.
Li kellu jitnissel mit-tribù ta’ Ġuda, kif hemm fil-Ġenesi 49:8.
Ġuda, int lilek ifaħħruk ħutek. Idek fuq ras l-għedewwa tiegħek; u quddiemek imilu wlied missierek.
Li kellu jiġi mill-familja ta’ David, kif hemm f’Ġeremija 23:5.
Araw, għad jasal żmien, oraklu tal-Mulej, meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.
Li fuqu ġie ippjanat iż-żmien li fih kellu jiġi, kif hemm fil-Ktieb ta’ Danjel 9:24.
Hu maqtugħ li sebgħin ġimgħa oħra għad baqagħlu l-poplu tiegħek u l-belt qaddisa tiegħek biex jintemm id-dnub, tispiċċa l-ħtija, u jitħallas il-ħażen, biex imbagħad tiġi l-ġustizzja ta’ dejjem, u jitqiegħed is-siġill fuq id-dehra u l-profeta, u jkun ikkonsagrat il-Post il-Qaddis.
Li kellu jitwieled f’Betlem, kif hemm fil-Ktieb tal-Profeta Mikea 5:1.
Imma int, Betlehem ta’ Efrata, ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem ta’ dejjem.
U li kellu jitwieled minn omm Verġni, kif hemm f’Iżaija 7:14.
Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el.
Il-verifika ta’ dawn il-profeziji hija wisq ċara mill-erba’ kotba tal-Evanġelju. Iva, Ġesù Kristu huwa it-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa li kif kien imħabbar, niżel mis-smewwiet biex iħabbibna ma’ Alla l-Missier.