minn Carmel G. Cauchi, Membru
Għaliex fix-xbihat lil San Pawl narawh bis-sejf f’idu? Il-qaddisin li mietu martri ħafna drabi nġibuhom bis-simbolu tal-martirju tagħhom. Imma hemm raġuni oħra li għaliha naraw xbihat ta’ San Pawl bis-sejf jew xabla f’idu. Fl-Ittra lil-Lhud, hemm miktub li “Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar” (Lhud 4 :12). U San Pawl kien l-iktar Appostlu li ħabrek u ġera biex iwassal il-kelma t’Alla. Kien l-iktar appostlu li kkonverta nies pagani għall-fidi nisranija billi xandrilhom il-Kelma t’Alla.
U ma kienx bil-fomm biss li San Pawl xerred il-kelma t’Alla, imma wkoll bil-kitba. San Pawl kiteb 13-il ittra, li bihom kompla jseddaq il-Kelma t’Alla fost dawk li kien xandarhielhom bil-fomm. Hu għal din ir-raġuni li fix-xbihat tiegħu naraw li San Pawl bi ktieb f’idu l-oħra. Is-sejf u l-ktieb huma simboli tal-Kelma t’Alla.
Lilna wkoll tixxandar il-Kelma t’Alla fil-quddiesa, ħafna drabi mill-ittri ta’ San Pawl. Imma kemm qed inħallu din ix-xabla qaddisa tinżel f’qalbna u tibdilna għall-aħjar? Tassew li l-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija, imma jekk inkunu berdin u nħalluha għaddejja minn fuq rasna, żgur ma ġġibx il-frott fina.