Il-Papa Franġisku, f’Evangelii Gaudium, jgħidilna li aħna lkoll aħna missjoni fuq din l-art. Qatt ħsibt li inti wkoll missjoni permezz tal-magħmudija tiegħek? Il-fatt li inti nisrani, allura inti wkoll dixxiplu missjunarju ta’ Ġesù.
Jekk tixtieq tikber f’dan l-aspett tal-ħajja nisranija, hi x’inhi l-vokazzjoni tiegħek, sewgi dawn il-parir fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum!
- Ħalli lilek innifsek titmexxa mill-Ispirtu t’Alla. Ħalli qalbek miftuħa għal dak kollu li jixtieq inissel fiha s-Sinjur Alla!
- Kun qrib ta’ Ġesù u kabbar relazzjoni ta’ mħabba miegħu!
- Istma lill-oħrajn bħala ħutek. Ftakar li jista’ jitqies missjunarju biss, min ifittex il-ġid tal-proxxmu u min jixtieq il-ferħ tal-oħrajn!
- Għix il-beatitudnijijet li ppreżentalna Ġesù nnifsu biex tkun xhieda awtenika ta’ ħajja nisranija. B’hekk ħaddieħor jara fik Evanġelju ħaj.
- Għix ħajja ferħana qrib ta’ Alla bit-talb. Sib lil Alla f’dak kollu li tagħmel, speċjalment fl-affarijiet l-aktar sempliċi tal-ħajja.
- Ħobb lid-dinja kif iħobbha Alla stess f’Ibnu Ġesù Kristu.
- Fuq kollox, ħalli lil Alla jimliek bit-tama biex inti wkoll issir persuna li tnissel tama għall-ħaddieħor.
“Min iħobb lil Alla mhux kuntent li jħobbu waħdu!”, kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca. Mela ħobb lil Alla b’qalbek kollha u ħobb lill-oħrajn kif hu stess iħobbhom biex int ukoll issir il-missjoni ta’ Alla fuq din l-art!