Hallelujah! Ġesù huwa ħaj! Qatt ltqajt personalment ma’ Ġesù ? San Ġorġ Preca, fis-Santwarju tal-Ispirtu ta’ Kristu, ħallielna bil-kitba kif kien jimmaġina lil Ġesù Kristu. Dan jgħinna nimmaġinaw il-persuna ta’ Ġesù, it-tieni persuna divina tat-Trinità Qaddisa, li aħna nixxenqu li xi darba niltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ f’ħajjitna u wara mewtna!
Kristu kien raġel twil — wiċċu ta’ żagħżugħ — la magħtub, lanqas smin —
kulur ismar bajdani — moħħu għoli — għajnejh suwed u dejjem baxxi lejn l-art —
kien sabiħ, kif kien jixraq lill-Iben t’ Alla magħmul Bniedem — bla ebda difett f’ġismu —
xagħru twil la Nazzarena — kulur qastni bħal baffi u l-mustaċċi tiegħu —
il-mixja tiegħu kienet devota u ppawsata — jiġiferi ma kienx jimxi jgħaġġel —
il-ħarsa tiegħu kienet gravi u serja b’mod li l-pajżani tiegħu rawh iva jibki, iżda qatt jidħak —
il-vuċi tiegħu soda u ċara u skont iç-ċirkustanzi ħelwa jew ta’ qilla —
meta kien joqgħod bil-qegħda, kien jispira maestà bil-pożizzjoni deċenti tiegħu —
fommu sieket — kliemu tagħlim, faraġ, twiddib jew korrezzjoni — theddid kontra l-faċċoli —
kien jaf jaqra u jikteb migħajr ma kellu min jgħallmu —
kien jiġbed in-nies lejh minħabba fil-mirakli, u fl-għerf tiegħu,
u fit-temperamenti tiegħu kien kalm u kwiet —
ma kien jirriġetta u anqas ikeċċi ’l bogħod minnu lil min kien javviċinah —
kien juri affezzjoni lejn kulħadd — iżda lejn il-baxxi, lejn iż-żgħar u lejn l-injuranti kien juri preferenza ta’ ħbiberija —
ma kienx jinxtara dwar il-ġustizzja u dwar il-verità b’ebda tifħir, b’ebda rigal, b’ebda mod ieħor —
kien kuraġġuż għal kull persekuzzjoni — kien ta’ rettitudni kbira, ma kien juri li jibża’ minn ebda bniedem potenti —
ma’ dawk li kienu jittrattaw miegħu ta’ spiss kien iżomm dixxiplina daqqa bil-ħlewwa u daqqa bil-virga —
la kien jimpurtah minn unuri u lanqas minn disprezzi —
kien juri għaxqa meta miegħu kienu jduru n-nies biex jisimgħuh —
qatt ma kien jgħallem xejn bla ma jsaħħaħ bl-eżempju l-kelma tiegħu —
l-għerf tiegħu mixhud mill-pażenzja tiegħu kien jgħaġġeb l-aqwa dutturi tal-liġi —
għad-doni tiegħu kien miżmum b’oġġett ta’ għira u b’danakollu kien juża magħhom mogħdrija —
kienet tidher fih mira waħda u din lejn Alla li lejh kien juri venerazzjoni kbira, u ħerqa għal-liġi tiegħu, u difensjoni għall-ġieħ divin —
kien jidher fih spirtu ta’ sagrifiççju, ta’ mħabba, u ta’ umiljazzjoni b’mibegħda kbira lejn is-sentimenti tas-suppervja —
bin-nhar fost il-folol tan-nies li kienu jfittxuh għall-ġid tagħhom, tant spiritwali kemm ukoll temporali —
kien iħobb tant ’l ommu, mara armla, li mis-salib waqt mewtu rrikkmandaha lil wieħed mill-appostli tiegħu biex jieħu ħsiebha.