Għal-poplu Malti, ix-xahar ta’ Frar huwa sinonimu mal-festa tal-appostlu Missierna San Pawl. Fl-10 ta’ Frar, il-Maltin jiftakru fil-ġrajja meta San Pawl, fis-sena 60WK ġab f’Malta l-fidi Kattolika. Id-devozzjoni li San Ġorġ Preca kellu lejn San Pawl hija tant evidenti. Tant kellu devozzjoni u mħabba lejh, li kien saħansitra jqisu bħala l-fundatur tas-Soċjetà tal-MUSEUM.
Forsi tistaqsu: il-MUSEUM mhux San Ġorġ Preca bdih? Veru, San Ġorġ Preca waqqaf is-Soċjetà, imma huwa veru wkoll, li huwa kien ispirat mill-kliem li San Pawl kiteb lil Timotju: “Kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn” (2Tim 2:2).
Billi San Ġorġ Preca kien saċerdot li jirrifletti ħafna, huwa ħadem fuq dak li qal San Pawl lil Timotju, u ġabar żgħażagħ biex jgħallimhom il-veritajiet tal-fidi ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jgħallmu lill-oħrajn. Din hija r-raġuni għala San Ġorġ Preca kien iżomm lil San Pawl bħala l-fundatur tas-Soċjetà tiegħu. Apparti dan, it-talb u ċ-ċelebrazzjonijiet li kiteb San Ġorġ innifsu, huma xhieda tad-devozzjoni kbira li kellu lejn San Pawl.
San Ġorġ Preca kien jassoċja lil San Pawl mat-tagħlim u l-fidi nisranija. Fil-ktieb L-Eku tal-Ħbieb, San Ġorġ jimmaġina lil San Pawl iħeġġiġna nisimgħu u nitgħallmu mill-Knisja Kattolika, kolonna ferma tal-verità. Iħeġġina biex inxerrdu ma’ kullimkien bil-kelma u bl-eżempju it-tagħlim tagħha għax huwa l-istess tagħlim ta’ Ġesù. Jgħidilna li min jagħti sehmu biex jinxtered it-tagħlim, u b’hekk, jiġi evitat d-dnub, żgur li jsib ħniena u barka mis-Sinjur Alla.
Nitolbu ma’ San Ġorġ Preca:
Pawlu, kbir appostlu,
Missierna fil-fidi,
Int dawl tal-ġnus kollha,
Itlob ’l Alla għalina.