Il-ħsieb tal-pellegrinaġġ lejn Malta ilu għal xi żmien f’moħħ bosta membri tal-grupp SDC Friends fil-Qasam ta’ Londra. Nies f’dan il-grupp ilhom juru interess li jżuru Malta għal numru ta’ raġunijiet fosthom biex jaraw il-post fejn bdiet is-Soċjetà, jitgħallmu aktar dwar il-Fundatur San Ġorġ Preca u biex jesploraw l-ambjent Nisrani tal-gżira. Xi wħud ukoll esprimew ix-xewqa tagħhom li jesperjenzaw kif jiġu ċċelebrati l-Ġimgħa Mqaddsa u t-Tridu tal-Għid u kif dan huwa differenti minn dawk f’Londra.
Wara xhur ta’ ħsieb, l-idea seħħet matul il-ġranet tal-Għid meta grupp ta’ erbatax-il persuna żaru l-gżejjer għal vjaġġ ta’ pellegrinaġġ ta’ ġimgħa.
Il-grupp telaq mill-ajruport ta’ Londra Gatwick f’titjira bikrija ħafna nhar il-Ġimgħa l-Kbira, 29 ta’ Marzu u wasal għall-ħabta ta’ l-ikla ta’ nofsinhar, żmien tajjeb biex ikun jista’ jattendi għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi. Huma żaru wkoll il-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri (Qormi) biex jaraw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira b’karattri ħajjin, statwi u mużika funebra minn diversi baned; affarijiet li ħadd fil-grupp ma kien esperjenza qabel.
Fi tmiem il-ġimgħa l-pellegrini żaru postijiet oħra ta’ interess u komplew jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tat-Tridu tal-Għid li kienu jinkludu l-attendenza għall-Velja ta’ Sibt il-Għid fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann Battista fil-Belt Valletta. Il-Ħadd filgħodu attendew għaċ-ċelebrazzjoni ferriħija ta’ Kristu Rxoxt f’Bormla.
Aspett importanti ta’ dan il-vjaġġ kien li jingħata għarfien aħjar tas-Soċjetà u kif topera f’Malta. Il-grupp kellu l-opportunità jżur numru ta’ Oqsma bħal Ħal Qormi, Ħal Lija u l-Mosta. Kien hemm ukoll l-opportunità li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda li kienet segwita minn żjara lid-Dar Ġenerali tas-Soċjetà. Nhar l-Erbgħa 3 ta’ April, il-grupp mexxa l-laqgħa tal-Erbgħa li ssir fl-Awditorju li kienet tinkludi informazzjoni dwar il-grupp SDC Friends, innijiet u qsim ta’ esperjenzi personali minn tliet membri tal-grupp.
Matul il-kumplament taż-żjara f’Malta, l-pellegrini kellhom ukoll l-opportunita’ li jżuru postijiet oħra ta’ interess storiku fosthom il-belt kapitali Valletta, il-belt il-qadima tal-Imdina,l-irdum ta’ Ħad-Dingli u postijiet oħra. Ġiet organizzata wkoll żjara fil-gżira sabiħa t’Għawdex, bil-knejjes, bajjiet u attrazzjonijiet oħra bħat-tempji tal-Ġgantija li taf toffri l-gżira.
L-aħħar ġurnata kienet ukoll waħda importanti ħafna. Il-grupp żar San Pawl il-Baħar u Buġibba fejn inqara r-rakkont tan-Nawfraġju ta’ San Pawl (Atti 27 u 28) fuq ix-xatt tal-Qawra. Filgħaxija il-pellegrini attendew għall-quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun fejn Dun Preca serva bħala saċerdot għal tant snin.
Għall-ġimgħa kollha l-grupp kien ospitat fid-Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera. Kulħadd ikkummenta dwar il-livell tajjeb ta’ servizz f’dan iċ-ċentru, il-kumditajiet tiegħu, il-kwalità tal-ikel u mhux l-inqas, l-istaff akkoljenti li ħa ħsiebhom.
Din iż-żjara tibqa’ fil-memorja ta’ dawk li ħadu sehem għal żmien twil, iżda fuq kollox, saħħaħ il-fidi nisranija tagħhom. Nies differenti ntlaqtu minn affarijiet u aspetti differenti ta’ dan il-vjaġġ iżda kollha kkummentaw li din kienet opportunità kbira biex wieħed iwessa’ l-persepettiva tiegħu tas-Soċjetà u tal-Knisja Kattolika b’mod ġenerali.