Waqt Laqgħa Ġenerali, f’Mejju 1961, San Ġorġ Preca kien stqarr mal-Membri: “Kemm hemm bżonn li s-Soċjetà tagħna tixtered, għax hemm bżonn kbir fid-dinja ta’ min jgħallem!”.
Din kienet it-tema tal-Laqgħa tal-Erbgħa tat-18 ta’ Settembru 2024 fl-Awditorjum, il-Blata l-Bajda. Waqt din il-laqgħa ġiet iċċelebrata s-Soċjetà Museumina speċjalment mill-aspett missjunarju tagħha. Flimkien mal-Membri u l-Kandidati, kien hemm preżenti l-Magħżulin u l-Aspiranti tad-Delegazzjoni ta’ Malta u Għawdex.
Matul il-laqgħa, diversi Membri u Kandidati qasmu l-esperjenzi missjunarji tagħhom li għamlu matul ix-xhur li għaddew. Filwaqt li l-grupp tal-Kandidati żaru l-Oqsma tal-Perù, Membri oħra żaru l-Oqsma fil-Kenja, f’Kuba, fl-Awstralja, fl-Albanija, kif ukoll fil-Filippini, fejn is-Soċjetà se tibda l-appostolat tagħha fix-xhur li ġejjin.
Jalla permezz tas-Soċjetà aktar popli jesperjenzaw l-imħabba li ssalva u l-ħniena ta’ Ġesù!