Nirringrazzjaw lil Alla, li għal sena oħra, il-Qasam iċċelebra l-Milied b’diversi attivitajiet u avvenimenti skont it-tradizzjoni tas-Soċjetà. Kull Ħadd tal-Avvent kien ikkaratterizzat bi spjegazzjonijiet tal-Vanġelu u riflessjoni dwar kif wieħed jista’ jittraduċi l-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Il-kant tal-għanjiet tal-Milied, l-Iskola ta’ Betlem u ċelebrazzjonijiet oħra saru waqt in-novena tal-Milied flimkien ma’ film tal-Milied.
Il-Ħadd 17 ta’ Diċembru, dawk it-tfal kollha li jattendu għall-formazzjoni għas-sagramentali tal-Ħadd filgħodu kellhom ċelebrazzjoni speċjali tal-Milied li fiha tqassmu rigali tal-Milied lil kull tifel u tifla. Filgħaxija ġiet organizzata laqgħa għall-ġenituri u l-grupp Friends of St. George Preca. Għal din il-laqgħa ġew mistiedna għall-ewwel darba l-mexxejja tal-gruppi ta’ Kiratina.
It-Tnejn 18 ta’ Diċembru saret iċ-ċerimonja tal-għoti tar-rigali tal-Milied għall-gruppi tal-Preparatorji u l-Magħżulin.
Din is-sena, il-ferħ tal-Milied inqasam ukoll mat-tfal ta’ Kiratina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Qasam beda l-appostolat tiegħu f’Kiratina kull nhar ta’ Ħadd filgħodu.