Bil-għajnuna t’Alla, is-Soċjeta tal-Museum organizzat tlett ijiem ta’ riflessjoni għall-Aspiranti (Years 9-11) li jattendu fl-Oqsma tal-Museum bit-tema Jien iltqajt miegħu. Dawn saru bejn il-Ħamis 15 ta’ Frar u s-Sibt 17 ta’ Frar 2024. Il-laqgħat saru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tad-Dar Ħanin Samaritan u tmexxew mill-Membri, Johann Tabone, Marjoe Cassar u Karol P. Debono. L-Aspiranti kellhom l-opportunità li jipparteċipaw b’mod attiv waqt dawn l-eżerċizzi filwaqt li jaħsbu dwar tliet personaġġi li ltaqgħu ma’ Ġesu u ħallewh jibdel il-ħajja tagħhom: Nikodemu, L-Għama tallab u Lazzru. It-tielet jum intemm b’mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesu ewkaristija filwaqt li matul it-tliet ijiem kien offrut ukoll is-sagrament tal-qrar.
L-istess laqgħat saru wkoll għall-Aspiranti Għawdxin. L-Aspiranti ltaqgħu flimkien għal tliet ijiem ukoll. Dawn saru fi tliet oqsma differenti, fin-Nadur, Ta’ Sannat u Għajnsielem.
Fi tmiem l-eżerċizzi, is-Soċjetà offriet il-ktejjeb Jien iltqajt miegħu lil kull Aspirant biex permezz tiegħu jkomplu jirriflettu dwar personaġġi oħra li ltaqgħu ma’ Ġesu. Dan il-ktejjeb huwa l-aħħar ktieb li għadu kif ġie ppubblikat mill-Preca Publications.
Nirringrazzjaw lis-Sinjur Alla u nitolbuh biex ikompli jbierek din il-ħidma tas-SDC ma’ dawn l-adolexxenti kif ukoll nitolbu għalihom.