Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid kienu tassew speċjali għall-Qasam ta’ Sagua la Grande peress li din is-sena kellna l-barka li fostna kellna żewġ Membri minn Malta: Paul Deguara u Jonathan Scicluna. Nhar l-Erbgħa, fl-Ottava tal-Għid, iċċelebrajna l-Għid mat-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu l-Qasam u fl-aħħar, kull wieħed irċieva l-figolla tradizzjonali Maltija, ippreparata mit-tfal u l-adolexxenti l-kbar stess. Minbarra li ppreparaw il-figolli, matul ir-Randan ħafna minnhom ipparteċipaw f’attività ta’ ġbir ta’ fondi billi offrew ħelu, u bil-flus miġbura, setgħu jagħmlu ‘figolli’ għal grupp ta’ nies foqra ħafna. Nhar il-Ġimgħa 5 t’April, ġiet organizzata wkoll ċelebrazzjoni speċjali tal-Għid għal madwar 30 membru tal-Grupo San Jorge Preca, li wkoll irċevew il-figolla tagħhom. Fl-aħħarnett, il-Ħadd 7 t’April, ġiet organizzata ħarġa speċjali għat-tfal, adolexxenti flimkien mal-ġenituri tagħhom lejn il-belt storika ta’ Trinidad (3 sigħat bogħod minn Sagua) u lejn il-bajja sabiħa ta’ Ancon.