Il-Ħadd, 15 ta’ Diċembru 2024, fl-ewwel jum tan-Novena tal-Milied, il-familjari tal-membri fl-amministrazzjoni tas-Soċjetà flimkien mal-familjari tal-membri li qed jaqdu l-missjoni tagħhom f’oqsma barra minn Malta, iltaqgħu flimkien għal attività li ssir kull sena fil-ġranet tal-Milied fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Ħanin Samaritan. Waqt dan l-attività, kien hemm riflessjoni fuq l-istennija tagħna għat-twelid ta’ Ġesù bit-tama li xi darba aħna wkoll għad niltaqgħu miegħu, wiċċ imb’wiċċ. Wara kien hemm ħin ta’ talb permezz tal-Iskola ta’ Betlem miktuba minn San Ġorġ Preca dwar id-divinità tat-tarbija Ġesù. Permezz tal-għanjiet tal-Milied, dawk li attendew irringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li hu jagħmel ma’ ħafna persuni permezz tas-Soċjetà kull fejn tinsab preżenti. Fi tmiem il-parti formali, is-Superjur Ġenerali qasam il-messaġġ tiegħu fejn talab lill-familjari biex jitolbu għall-membri biex ikomplu jikbru fil-vokazzjoni u fil-qdusija. L-attività ntemmet b’ħin soċjali flimkien fejn kulħadd qasam l-awguri tiegħu għal Milied u s-sena l-ġdida.