San Ġorġ Preca – Ħaj Bħal Qatt Qabel huwa l-isem ta’ ktieb ġdid li s-Soċjetà MUSEUM għadha kif ippubblikat permezz tad-dar editriċi tagħha, Pubblikazzjoni Preca. Il-ktieb iġib il-firma ta’ Ġorġ Borg, poeta, awtur u membru tal-istess Soċjetà.
Dan il-volum ikopri l-kontenut li deher fit-tliet kotba preċedenti mill-istess awtur, Dun Ġorġ, il-Ħabib tat-Tfal (1979), Dun Ġorġ, Ġrajjiet minn Ħajtu (2001) u Dun Ġorġ, Ġrajjiet Ġodda (2005). Flimkien mal-anedotti midmuma f’dawn il-kotba, l-awtur żied għadd ġmielu ta’ oħrajn li qatt ma dehru qabel, u tella’ l-għadd tagħhom għal aktar minn 400. Din il-ġabra estensiva ta’ stejjer qosra fuq diversi aspetti mill-ħajja ta’ San Ġorġ Preca hija miktuba fi stil ħelu, ħafif u mexxej, tipiku tal-kitba ta’ dan l-awtur.
Il-ktieb huwa mqassam fi 13-il kapitlu, kull wieħed jittratta aspett differenti mill-ħajja tal-qaddis, jibdew minn twelidu fit-12 ta’ Frar 1880 fl-ewwel kapitlu, u jeħduna pass pass b’mod kronoloġiku f’mixja lejn il-kanonizzazzjoni tiegħu bħala l-ewwel qaddis Malti dikjarat fit-3 ta’ Ġunju 2007. Kull kapitlu jġib titlu li jindika liema aspett se jittratta u mbagħad jinqasam f’għadd ġmielu ta’ rakkonti, kull wieħed enumerat u jiftaħ b’sottotitlu li jintroduċi t-tema trattata.
Wara l-aħħar kapitlu nsibu glossarju li b’għaqal ġie inkluż fil-ktieb, l-aktar għal dawk il-qarrejja li mhumiex wisq midħla tas-Soċjetà MUSEUM. Fil-glossarju nsibu lista alfabetika ta’ kliem, termini jew frażijiet li huma partikulari għal din l-għaqda, u t-tifsira tagħhom. Hekk il-qarrej jista’ jsegwi aħjar u ma jitlef ebda dettall.
Wara l-glossarju jsegwu diversi paġni ta’ noti. Dawn in-noti joffru tagħrif u riferenzi dwar kull ġrajja rrakkuntata f’kull kapitlu — minn liema ktieb jew rivista qed jiċċitaha l-awtur, inkella mingħand min semagħha. U biex il-ktieb iżomm il-professjonalità tiegħu sal-aħħar, jirriserva l-aħħar ftit paġni għal indiċi alfabetiku tal-ismijiet iċċitati u l-paġni fejn jidhru l-kontribuzzjonijiet tagħhom. Dan iservi ta’ omaġġ lill-persuni li ġentilment offrew lill-awtur il-ġrajjiet li huma stess raw iseħħu quddiemhom, inkella semgħuhom mingħand persuni ta’ fiduċja li m’għadhomx magħna.
Hawn ma jistax jonqos li wieħed isemmi s-snin ta’ riċerka li għamel l-awtur biex ġabar dawn l-anedotti kollha u sawwar minnhom dan il-volum hekk estensiv. Il-qarrej għandu jsib l-anedotti kollha interessanti, kemm għat-tagħrif li joffru, kif ukoll għall-importanza tagħhom. Xi wħud minnhom huma importanti għax joħorġu għad-dawl aspetti ġodda tal-personalità qaddisa ta’ San Ġorġ Preca, waqt li oħrajn għax ikomplu jseddqu dawk ix-xejriet spiritwali li huma ġa magħrufa. Għaldaqstant din il-pubblikazzjoni tkompli tagħmel il-qdusija ta’ San Ġorġ Preca iktar magħrufa mal-qarrejja fl-aspetti kollha tagħha.
Dan il-volum ikopri 368 paġna u ġie mitbugħ b’mod tassew eleganti, b’qoxra iebsa, karta tajba, tipa li tinqara bla tbatija, u diversi ritratti stampati fuq il-paġni tan-nofs b’tifkira ta’ ġrajjiet importanti fil-ħajja tal-qaddis. Barra minn hekk, il-Malti sabiħ mill-pinna ta’ Ġorġ Borg, awtur misjur u mħarreġ sew fil-kitba ta’ lsienna, ikompli jagħmel il-ktieb pjaċevoli fil-qari.