Ktieb tajjeb biex wieħed jifhem aktar min huwa San Ġorġ Preca huwa dak miktub minn Alexander Bonnici O.F.M.Conv. fl-1977 bl-isem Dun Ġorġ Preca fid-Dawl ta’ l-Ittri Tiegħu. Għalkemm l-ittri kollha li kienu mibgħuta minn Dun Ġorġ jistgħu jitqiesu bħala korrispondenza personali, madankollu, huma joffrulna dawl awtentiku biex nagħrfu aktar x’kien il-għan ewlieni tal-ħajja tiegħu, kif xtaq jgħin lil ħaddieħor, u fuq kollox, fuq xhiex kienet mibnija l-ispiritwalità tiegħu. L-ittri kollha jikxfu kemm Dun Ġorġ kien bniedem ġenwin u saċerdot tar-ruħu.
Fl-2007, edizzjoni rreveduta minn Edmund Teuma OFMConv. ġiet ippubilikata bl-isem San Ġorġ Preca fid-Dawl ta’ l-Ittri Tiegħu.
Dan mhuwiex biss ktieb li għandu jgħin ħafna lil min jixtieq isir jaf lil dan is-saċerdot umli u qaddis. Dan il-ktieb huwa wkoll utli ħafna għal min jixtieq jagħmel riċerka aktar profonda ta’ dan il-personaġġ meqjus bħala it-tieni missier tal-Maltin fil-fidi.