Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) tħares lejn l-awtorità bħala sehem fl-awtorità ta’ Kristu fi ħdan il-Knisja. Għalhekk, l-awtorità mhi xejn ħlief forma ta’ servizz. F’konformità mal-viżjoni tal-Evanġelju, is-Superjuri (mexxejja lokali) huma għas-servizz ta’ ħuthom il-Membri u jgħinuhom jiddedikaw lilhom infushom lill-Mulej Ġesù.
L-amministrazzjoni tas-Soċjetà hija fdata f’idejn is-Superjur Ġenerali u l-Kunsill Eżekuttiv Ġenerali, eletti permezz tal-Kapitlu Ġenerali tas-Soċjetà.
Kull Membru f’pożizzjoni ta’ awtorità għandu jikkultiva fih sens qawwi ta’ lealtà u appoġġ għas-Superjur Ġenerali. Permezz ta’ dan, huma jispiraw lill-Membri biex juru lealtà u rispett għar-Regola Museumina. Fl-istess ħin, il-Membri kollha għandhom irawmu sens ta’ fiduċja fil-mexxejja tagħhom, filwaqt li jenfasizzaw l-għaqda fl-iskop, l-ispirtu u l-missjoni fi ħdan is-Soċjetà.
Is-Superjur Ġenerali
u l-Kunsill Eżekuttiv Ġenerali
Fl-istruttura organizzattiva tas-Soċjetà, is-Superjur Ġenerali, appoġġjat mill-Kunsill Eżekuttiv Ġenerali (K.E.Ġ.), huwa l-persuna li tassumi r-responsabbiltà tas-Soċjetà kollha. Din l-awtorità tinkludi t-tmexxija u d-dixxiplina u tagħti s-setgħa lis-Superjur Ġenerali biex jieħu deċiżjonijiet, kif speċifikat fid-Direttorju Ġenerali. Il-mandat tas-Superjur Ġenerali jdum għal sitt snin, bil-possibiltà li jerġa’ jiġi elett għat-tieni mandat. L-aktar importanti fost id-dmirijiet tas-Superjur Ġenerali hija l-preservazzjoni tal-għaqda fost il-Membri u li jaċċerta l-ħarsien tar-Regola Museumina. Is-Superjur Ġenerali għandu l-awtorità li jinkorpora membri ġodda fis-Soċjetà.
Barra minn hekk, is-Superjur Ġenerali għandu l-prerogattiva li jaħtar Delegati għall-amministrazzjoni u l-animazzjoni ta’ gruppi ta’ Oqsma, kif ukoll li jaħtar Superjuri Lokali fejn ma jkunx hemm delegazzjoni. B’hekk is-Superjur Ġenerali jħares l-għaqda u l-ħidma tas-Soċjetà. Preżentament, l-Oqsma f’Malta u dawk fl-Awstralja huma miġbura f’żewġ delegazzjonijiet differenti mmexxija mid-Delegati rispettivi tagħhom magħżula mis-Superjur Ġenerali wara konsultazzjoni mal-membri kollha rispettivi. L-Oqsma l-oħra kollha, li ma jiffurmawx parti minn delegazzjoni, jirrispondu direttament lis-Superjur Ġenerali.
Il-Kapitlu Ġenerali tas-Soċjetà tal-2021 eleġġa lil Roberto Zammit bħala s-Superjur Ġenerali għall-mandat ta’ sitt snin. Wara dan, Oliver Aquilina inħatar mis-Superjur Ġenerali bħala l-Assistent Superjur Ġenerali tiegħu. Il-Kapitlu Ġenerali eleġġa wkoll lil Ruben Pace (Segretarju Ġenerali), lil Philip Bezzina (Teżorier Ġenerali), u lil Joseph Gauci bħala membri tal-Kunsill Eżekuttiv Ġenerali.
IL-KAPPELLA TAL-MADONNA TAL-MIDALJA MIRAKOLUŻA
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU