Fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni taż-żgħażagħ Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, ippubblikat il-ktieb ta’ Robert Aloisio Għaxra Oħra Żgħar imma Kbar. Dan huwa is-sequel ta’ ktieb ieħor li Aloisio ħareġ ħames snin ilu, Għaxra Żgħar imma Kbar. Dawn iż-żewġ kotba jitrattaw il-ħajja ta’ żgħażagħ, ħafna minnhom ta’ żmienna, li taw xhieda bi kliemhom u b’għemilhom tal-fidi tagħhom fi Kristu. Il-ktieb huwa ideali għall-adolexxenti kollha u għal dawk li jieħdu ħsiebhom, għax juri biċ-ċar li huwa possibbli tgħix tajjeb illum ukoll fis-seklu 21.
Acutis u Frassati kienu żgħażagħ qaddisin. Forsi llum ħafna jistaqsu: Mela llum tista’ tkun qaddis? U kif ikunu tfal u żgħażagħ qaddisin tas-seklu wieħed u għoxrin? Iva jeżistu tfal u żgħażagħ qaddisin. U żgur m’humiex tfal boring, lanqas xejn. Huma tfal ferriħija, kreattivi, affaxxinanti… cool! Bniet u subien, tfajliet u ġuvintur, li jkellmuna bit-tajjeb li jagħmlu.
Dan il-ktieb irid ikun ringrazzjament modest lil dawn ħutna żgħar. Għaxar żgħażagħ minn pajjiżi u kulturi diversi. Imma l-qaddisin mhumiex qegħdin hemm biex nammirawhom imma biex nimitawhom.
Minbarra Pier Giorgio Frassati, fil-ktieb hemm sitt żgħażagħ oħra li l-qdusija tagħhom ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja, fosthom: Isidore Bakanja, żagħżugħ Afrikan ta’ 22 sena li nqatel mill-employer Belġjan li kellu u ġie ddikjarat Beatu fl-1994; Marcel Callo, żagħżugħ ħaddiem Franċiż maqtul min-Nażisti li ġie ddikjarat Beatu fl-1987; Anuarite Nengapeta, soru Afrikana ta’ 25 sena maqtula waqt gwerra ċivili u ddikjarata Beata fl-1985; u Laura Vicuna, tifla Ċilena ta’ 13-il sena ddikjarata Beata fl-1988.
Flimkien ma’ dawn Aloisio jitratta tliet żgħażagħ oħrajn magħrufin ħafna iżjed: San Alwiġi Gonzaga, Santa Maria Goretti u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Dawn iż-żgħażagħ jgħallmuna fidi ġejja mill-fiduċja bħalma dik ta’ tifel f’missieru, fi żmien meta l-bniedem sar jiddubita u jissuspetta kollox. Jgħallmuna l-entużjażmu, is-sempliċità, il-freskezza. Jgħallmuna ma nkunux ikkumplikati. Jgħallmuna l-umiltà u l-fiduċja fl-oħrajn. Għax it-tfal jaqraw il-qalb mhux il-kliem. Fuq kollox, jgħallmuna nemmnu. Għax ilkoll kienu tfal u żgħażagħ li emmnu tassew. Kienu żgħar fl-età imma kbar fil-fidi. Għaxra oħra żgħar imma KBAR.
Fl-aħħar tal-ktieb hemm ukoll intervista qasirhttps://www.librerijapreca.com/a ma’ Antonia, omm Carlo Acutis, u serje ta’ kwotazzjonijiet minn dak li kitbu jew qalu dawn iż-żgħażagħ qaddisin.
Robert Aloisio huwa membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija u awtur ta’ diversi kotba fosthom Il-Papiet Kbar ta’ Żmienna u Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin.
Il-ktieb Għaxra Oħra Żgħar imma Kbar jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca.

