Inti Alla wieħed fi tliet persuni.
Inti persuna, o Alla Missier.
Inti persuna, o Alla Iben.
Inti persuna, o Alla Spirtu s-Santu.
Intom tliet persuni ugwali u distinti, iżda ma intomx tlett Allat, għax Alla huwa wieħed: wieħed fin-natura, fl-essenza u tlieta fil-persuni.
Inti persuna, o Alla Missier, għax inti sustanza li teżisti minnek innifsek fin-natura divina, u taġixxi u topra. Ħenn għall-bnedmin kollha.
Inti persuna, o Alla Iben, għax inti sustanza, li teżisti minnek innifsek iġġenerat fin-natura divina u taġixxi u topra.
Inti persuna, o Alla Spirtu s-Santu, għax inti sustanza li teżisti minnek innifsek ħiereġ mill-persuna tal-Missier, u mill-persuna tal-Iben, u taġixxi u topra.
Iżda mhux tliet sustanzi, iżda sustanza waħda.
Inti, o Alla, inti esseri inkomprensibbli: ebda intellett li inti ħlaqt ma jista’ jasal bl-isforzi kollha tiegħu biex jifhmek, la fin-natura tiegħek u lanqas fil-ġudizzji u fil-ħsibijiet tiegħek. Biex wieħed jista’ jifhmek jeħtieġ li jkun Alla bħalek, li hija ħaġa impossibbli, għax inti waħdek Alla, u ħliefek ma jistax ikun Alla, lanqas bħalek.
Inti Alla, Sinjur tas-sema u tal-art, kollox taħt il-padrunanza tiegħek u f’kollox tfittex tagħmel li trid għall-glorja tiegħek. Aħna tiegħek u inti tagħna, u lilek waħdek nagħtu dejjem unur u glorja, lilek innifsek, u l-unur tiegħek ma ċċedih lil ħadd.