Ir-relazzjoni bejn is-Soċjetà tal-MUSEUM u l-Filippini ilha tikber u tissaħħaħ għal diversi snin. Nistgħu nxebbhuha mal-barako jsir bil-mod, dak il-kafè sinonimu mal-provinċja ta’ Batangas fil-Filippini.
Dr Linda Tacorda, saret taf għall-ewwel darba bis-Soċjetà fl-1989, meta Yvonne, ħabiba tagħha Maltija, ħaditha l-Librerija Preca. Dak iż-żmien kienet qed tistudja l-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma, bl-ispeċjalizzazzjoni tagħha tkun il-katekeżi. Mhux ta’ b’xejn interessat ruħha sew fl-appostolat tas-Soċjetà.
Snin wara, filwaqt li s-Soċjetà baqgħet f’kuntatt ma’ Dr Tacorda, is-sezzjoni maskili tas-Soċjetà organizzat l-ewwel żjara uffiċjali fil-Filippini fl-2018 minn membri fl-amministrazzjoni. Din saret fil-belt ta’ Iloilo, minn fejn hi ġejja Dr Tacorda, u hekk beda l-kuntatt tas-Soċjetà mal-Arċidjoċesi ta’ Jaro. Is-sena ta’ wara, tliet membri tas-Soċjetà reġgħu żaru Iloilo biex jieħdu sehem fit-tieni Kungress Internazzjonali tal-YOUCAT. Waqt din il-konferenza, li għaliha attendew ħafna isqfijiet Filippini, is-Soċjetà għamlet kuntatt mal-Arċisqof Gilbert Garcera tal-belt ta’ Lipa. Huwa interessa ruħu ħafna fil-missjoni tas-Soċjetà, anke minħabba li hu kien diġà żar Malta u kien f’kuntatt mas-sezzjoni femminili tas-Soċjetà. L-Arċisqof Garcera reġa’ żar Malta għat-tielet darba fi Frar 2020, fejn anke żar id-Dar Ġenerali tas-Soċjetà u ċċelebra l-quddiesa waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tad-Delegazzjoni ta’ Malta u Għawdex.
Wara żmien ta’ talb u dixxerniment, fl-2023 ttieħdet id-deċiżjoni li s-Soċjetà tistabilixxi l-ewwel qasam fl-Arċidjoċesi ta’ Lipa. F’Lulju 2024 saret żjara ta’ familjarizzazzjoni f’Lipa, fejn il-membri li kienu se jiffurmaw il-komunità tal-ewwel qasam, żaru diversi parroċċi u kienu preżenti waqt diversi attivitajiet f’Batangas, il-provinċja li fiha tinsab l-Arċidjoċesi ta’ Lipa. Wara li l-Arċisqof Garcera reġa’ żar Malta f’Novembru 2024, l-ewwel erba’ membri tas-Soċjetà waslu l-Filippini fi-17 ta’ Jannar 2025. Bħalissa qegħdin joqogħdu fil-parroċċa ddedikata lil Santo Niño f’Marawoy, Lipa. Huma u jgħixu l-ħajja komunitarja u jagħmlu l-Assenjatur ta’ kuljum, bil-mod il-mod huma qed jinserixxu ruħhom fil-komunità lokali, bl-appoġġ tal-kappillan Fr Jayson Siapco, li wkoll kien żar Malta f’Novembru 2024.
Salamat sa Diyos! Inroddu ħajr lil Alla!
Agħmel kuntatt mal-Qasam ta’ Lipa: [email protected].