Il-pellegrinaġġ lejn Ruma għall-Ġublew tal-Adolexxenti kien wieħed li mill-bidu nett nissel fija ferħ u apprezzament. Mhux kulħadd ikollu x-xorti li jesperjenza ġrajja bħal din li sseħħ kull ħamsa u għoxrin sena. Kienet tassew pożittiva minn żewġ aspetti differenti.
F’dan il-pellegrinaġġ, kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ diversi żgħażagħ li jattendu l- MUSEUM u nibni relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ xi uħud minnhom. Din kienet għalija tagħlima li l-fidi hi mgħixha isbaħ u msaħħa aktar meta nkunu f’komunità.
Il-Ġublew tal-Adolexxenti, li kien il-qofol ta’ dan il-pellegrinaġġ, kien mument spiritwali qawwi ħafna. Meta rajt eluf ta’ adolexxenti minn madwar id-dinja kollha miġburin flimkien għall-istess għan, ħassejtni tassew parti minn xi ħaġa ikbar. Mument partikolari kien meta għaddejna mill-Bieb tal-Ġublew u dħalna fil-Bażilika ta’ San Pietru. Ħassejt li din ħalliet impatt kbir fuq il-ħajja tiegħi. Stajt napprezza aktar it-talba fil-ġabra u l-ħin ta’ riflessjoni.
Kellna opportunità li nżuru Assisi u naraw il-qabar ta’ Carlo Acutis li se jkun iddikjarat qaddis fi żmien li ġej. Qrajt ħafna dwaru u għandi ammirazzjoni kbira lejh, speċjalment għal kif fit-tbatija irnexxieli jibqa’ jżomm fidi soda. Żorna wkoll il-knisja fejn hemm il-qabar ta’ San Franġisk t’Assisi kif ukoll smajna l-quddies fil-Bażilika ddedikata lil Santa Clara.
Żgur li meta nħares lura ngħid li din kienet esperjenza unika. Jiena grat ħafna lejn is-Sinjur Alla għal dak li għaddejt minnu f’dan iż-żmien ta’ grazzja flimkien ma’ ħafna adolexxenti Maltin u minn madwar id-dinja.
Sinjur Alla, nitolbuk biex tbierek lill-adolexxenti kollha, u tagħtihom il-grazzja li fuq l-eżempju ta’ Carlo Acutis ma jibżgħux jgħixu l-fidi tagħhom u jkunu ta’ eżempju ħaj għal sħabhom.
Luigi Borg
Qasam Lija-Balzan