minn Carmel G. Cauchi, Membru
God, fill my mouth with useful stuff,
and stop me when I’ve said enough.
Xi kultant ma jkollix aptit niftaħ ħalqi u drabi oħra ma nkunx nista’ nagħlqu u niskot. Tajjeb li dwar dan nagħmel żewġ kunsiderazzjonijiet: il-kwalità u l-kwantità tad-diskors tiegħi. Xi nkun qed ngħid u kemm indum ngħid.
Xi nkun ngħid:
- Dak li nkun ngħid huwa utli, jew kliem fieragħ?
- Huwa kliem xieraq, jew imdennes bil-vulgarità?
- Huwa kliem karitattiv, jew inġurjuż ?
- Iwitti t-triq għall-paċi, jew inissel il-firda?
- Isemmi lil ħaddieħor fil-ġid, jew fid-deni?
Kemm indum ngħid:
- Għandi nkun prudenti u ma ntawwalx bla bżonn fi kliemi. U jekk ninduna li nkun ġa għedt iżżejjed, ma nkomplix.
- Meta ninduna li ma’ min qed nitkellem mhux ikompli miegħi għandi nifhem li jkun wasal il-ħin li nieqaf.
- Meta nara lil dak li jkun distratt, moħħu band’oħra jew sikwit iħares lejn l-arloġġ għandi nagħraf li ddejjaq jisma’.
- Meta nintebaħ li d-diskors ikun beda jdur fuq xi suġġett skabruż, jew fuq l-għawar ta’ ħaddieħor, nipprova nibdel is-suġġett… u jekk ma jirnexxilix, niskot, insellem u nitlaq.
Mulej, agħmel li jkun kliemi
dejjem utli, xieraq, ġwejjed
u, fuq kollox, li ninduna
meta nkun ġa għedt biżżejjed.


