Fl-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, niċċelebraw il-festa ta’ Ġesù, Sultan tal-Ħolqien kollu. Kien il-Papa Piju XI fl-1925 permezz tal-enċiklika Quas Primas, miktuba wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, li ried li tibda tiġi ċċelebrata din il-festa. Piju XI ried ifakkar lill-fidili li l-paċi vera u d-dinjità tal-bniedem jiġu mir-rikonoxximent tas-saltna spiritwali ta’ Kristu, li l-awtorità tiegħu taqbeż kull awtorità jew ideoloġija ta’ din id-dinja. Is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu tikkonferma mhux biss is-saltna spiritwali ta’ Ġesù fil-Knisja, iżda wkoll it-tama fis-saltna tiegħu li se titwettaq b’mod sħiħ fuq il-ħolqien kollu.
Is-Sultan tagħna, b’differenza minn kull ħakma umana, huwa sultan li jservi, sultan tal-ġustizzja u l-verità, tal-maħfra, tal-imħabba u tal-paċi. Huwa l-kbir fost il-ħlejjaq kollha għax kollox bih u għalih kien maħluq. Hu li hu l-bidu u t-tmiem, u li fih tgħammar il-milja tal-ħolqien kollu. Huwa hu l-unika triq, il-verità u l-ħajja.
Inkomplu nitolbu lis-Sinjur tagħna Ġesù biex tiġi s-saltna tiegħu fuq l-art! Nitolbuh jagħtina l-grazzja li nagħrfuh bħala s-sultana tal-qalb tagħna u biex jaċċettana bħala membri fis-saltna tiegħu!
Ġesù Kristu Nazarenu, Sultan tal-ħolqien kollu,
Iben wieħed ta’ Alla l-ħaj u tal-Omm Verġni Marija,
xerred fuqna l-bnedmin kollha l-grazzja tiegħek
li inti ġibtilna bil-mewt u bil-qawmien tiegħek.
Ammen.


