Hekk kif is-sena tibda tiskura u n-natura torqod, aħna niftakru fid-dgħufija u l-qosor tal-ħajja umana. Il-Knisja tistedinna biex ma nevitawx il-ħsieb tal-mewt, iżda biex niffaċċjawha bil-fidi, bil-fiduċja u bit-tama. Matul Novembru, nonoraw lill-qaddisin li issa jgħixu fil-preżenza ta’ Alla, filwaqt li nitolbu wkoll għall-mejtin li għadhom jeħtieġu l-interċessjoni tagħna. F’dan l-att ta’ tifkira, naffermaw li aħna nappartjenu għal familja spiritwali waħda, il-komunjoni tal-qaddisin, marbuta flimkien f’imħabba li ma tispiċċa qatt. It-tama Nisranija tassigurana li l-imħabba hija aktar b’saħħitha mill-mewt, tagħtina s-saħħa anke fi żmien it-telfa. Ġesù jħabrilna, “Jiena l-qawmien u l-ħajja” (Ġwanni 11:25), u joffrilna l-wegħda tal-ħajja lil hinn mill-qabar. Il-qaddisin, li nerġgħu nfakkru ħajjithom matul is-sena, juruna li l-qdusija hija possibbli għal nies ordinarji li jpoġġu lil Alla fiċ-ċentru ta’ kollox. L-eżempju tagħhom jgħallimna li l-mewt mhijiex paġna finali, iżda l-ftuħ ta’ kapitlu ġdid ma’ Kristu.
Hekk kif is-sena liturġika tibda tagħlaq u toqrob il-festa ta’ Kristu Sultan, aħna niftkaru biex ngħixu kull jum fid-dawl tal-eternità, b’qalb mimlija gratitudni. San Pawl iħeġġiġna biex nipperseveraw, u jaċċertana li xejn minn dak li nagħmlu għal Alla ma jintilef. Għalkemm il-Ġublew tat-Tama qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu, is-sejħa biex ngħixu fit-tama tkompli, u tkompli żżommilna ħarsitna lejn il-jum li fih għad niltaqgħu ma’ dak li jħobbna b’imħabba bla tmiem. Mas-Salmista nitolbu għall-għerf li “ngħoddu l-jiem tagħna” (Salm 90:12) sabiex inkunu nistgħu nimxu bħala pellegrini tat-tama, lesti biex nidħlu fil-festa eterna meta l-Għarus isejjaħilna.


